Internazzjonali

Gaza: Tinfetaħ rotta tal-għajnuna…fost l-azzjonijiet militari tal-Iżraeljani

It-Tmexxija ta’ Iżrael iddeċidiet biex tiftaħ mill-ġdid rotta importanti għat-trasport tal-għajnuna umanitarja lill-familji ta’ Gaza…Dan fi żmien meta l-gwerra f’Gaza għaddejja minn żmien ta’ inċertezza kbira, bl-Iżraeljani qed iħejju offensiva fuq it-terroristi tal-Ħamas fil-belt ta’ Rafah u bin-negozjati għal waqfien mill-ġlied qed ikomplu, bl-Eġittu u l-Qatar bħala medjaturi.

L-aċċess ta’ Kerem Shalom, bejn Iżrael u Gaza, jippermetti għall-movimenti tat-trakkijiet mgħobbija bl-ikel,  l-ilma u l-mediċina li qed jaqsmu lejn iz-zoni ffullati bil-Palestinjani. Dan meta l-aċċess kien ingħalaq għal erbat ijiem minħabba li l-Ħamas kienu qed jisparaw il-missili lejn il-villaġġi u l-ibliet tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Fl-aħħar sigħat ukoll, in-Nazzjonijiet Uniti esprimiet allarm dwar id-direttiva inizjali ta’ Iżrael biex jagħlaq iż-żewġ arterji prinċipali għat-trasport tal-għajnuna lejn Gaza.

Dan meta t-truppi Iżraeljani, fi strateġija oħra tal-gwerra mal-Ħamas, ħatfu l-kontroll sħiħ fil-madwar tal-aċċess ta’ Rafah, li l-Palestinjani f’Gaza jużawh biex jaqsmu lejn l-Eġittu.

Fl-istess ħin, l-Iżraeljani qed ikomplu  bl-azzjonijiet militari kontra l-Ħamas fost l-attakki ġodda, matul il-lejl tat-Tlieta, fuq is-siti kontrollati mit-terroristi fil-belt ta’ Rafah. Intant, Iżrael żvela li għaddejja diġà kampanja militari speċifika fil-limiti ta’ Rafah għalkemm din qed issir ‘b’mod ikkontrollat’ biex ma jbatux iċ-ċivili fl-inħawi.

Illum, aktar minn seba’ xhur mill-bidu tal-gwerra ta’  Gaza, Iżrael qed jinsisti mill-ġdid li r-rebħa militari fuq il-Ħamas għandha tkun impossibbli f’każ li t-truppi tagħha ma jieħdux il-kontroll  sħiħ ta’ Rafah….Belt li – minbarra l-preżenza ta’ 1.5 miljun refuġjat tal-gwerra – qed isservi wkoll bħala ċentru ta’ kontroll għall-ġellieda tal-Ħamas li għad għandhom numru ta’ fortizzi f’dik iz-zona.

Madankollu, il-preżenza tal-mijiet tal-eluf tar-refuġjati f’Rafah ilha tallarma bil-kbir lin-Nazzjonijiet Uniti u diversi pajjiżi tal-Punent – fosthom l-Istati Uniti li hi l-akbar alleata ta’ Iżrael u li ilha s-snin tgħin lil dan il-pajjiż fl-akkwist ta’ armamenti moderni.

L-Amerikani u diversi pajjiżi oħra qed iwissu lill-Iżraeljani li assalt totali fuq l-inħawi difiżi mill-Ħamas f’Gaza għandhom iħallu konsegwenzi devastanti għall-popolazzjoni ċivili – bl-Istati Uniti tirrevedi l-politika tagħha dwar l-għajnuna militari lil Iżrael, almenu fil-kwistjoni ta’ Gaza.

Fil-fatt, l-uffiċjali ewlenin tal-Istati Uniti konfermaw id-deċiżjoni biex jipposponu t-trasport ta’ kunsinna armamenti lil Iżrael, proprju minħabba t-tħassib dwar ‘dak li jista’ iseħħ’ jekk kemm-il darba l-Iżraeljani  jirrankaw l-azzjonijiet militari fil-belt ta’ Rafah.