Hospice Malta, l-għaqda mhux governattiva li tipprovdi servizzi paljattivi bla ħlas lill-pazjenti u l-familji tagħhom, qed tniedi maratona ġbir ta’ fondi b’risq il-kumpless ta’ St Michael Hospice.
It-telethon bl-isem ta’ ‘L-Aħħar Pass’ illi sa ssir il-Ħadd fis-7 ta’ Ġunju, se tkun qed tibda fil-11am u tibqa’ sejra sal-11pm, u se tkun qed tittella’ direttament mill-kumpless ta’ St Michael Hospice, f’Santa Venera, bil-għan illi jitlestew l-aħħar stadji ta’ xogħlijiet f’dan l-istess kumpless.
Waqt din il-maratona ta’ 12-il siegħa, wieħed se jkun jista’ jisma’ l-istejjer minn fomm dawk li messew mas-servizz tal-Hospice, sabiex wieħed jara l-ħidma siewja li tagħmel din l-għaqda ma’ pazjenti u familji li tant ikunu fil-bżonn.
St Michael Hospice, li huwa l-ewwel kumpless li joffri kura paljattiva f’pajjiżna, se jkun qed joffri faċilitajiet kruċjali għal dawk il-pazjenti li jkunu f’dan il-kumpless jingħataw il-kura paljattiva, filwaqt li se jkun qed joffri anke servizzi estiżi minn dawk li huma in-patient.
Il-Kap Eżekuttiv Kenneth Delia, permezz ta’ stqarrija, spjega li fl-2023 Hospice Malta laqgħet 900 pazjent ġdid filwaqt li assistiet mal-1,500 familja fis-sena, bil-professjonisti ta’ Hospice Malta jipprovdu madwar 37,000 sezzjoni ta’ kura fid-djar tal-pazjenti.
L-inwagurazzjoni ta’ dan il-kumpless mistennija tkun f’Settembru tas-sena 2024.
//= $special ?>