Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Huwa biss il-Partit Nazzjonalista li qed jaħdem fl-interess tal-poplu” – Bernard Grech

“Jekk trid li tibgħat messaġġ lil Robert Abela li l-aġir tiegħu huwa inaċċettabbli, ivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista li b’determinazzjoni se jkomplu jaħdmu għalik bil-għan li jkollok kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard waqt attività politika li saret fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien bit-tema ‘Għalik.’

Waqt id-diskors tiegħu, Bernard Grech qal li dan il-pajjiż huwa mmexxi minn organizzazzjoni kriminali li jum wara l-ieħor qed ikomplu jagħmlu l-ħsara lill-pajjiż, dan filwaqt li qed tħalli impatt fuq kulħadd.

Bernard Grech qal li bl-aġir ta’ Robert Abela qed tifforma koalizzjoni li ma tistax tittollera aktar. Huwa aċċenna li l-poplu jrid ikompli jsemma’ leħnu bil-għan li tinbidel id-direzzjoni ta’ pajjiżna.

Bernard Grech fakkar fil-pressjoni li għamlet il-Partit Nazzjonlalista sabiex Robert Abela jaħtar Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Huwa saħaq li ħadem id f’id ma’ Isabelle Bonnici sabiex issir ġustizzja totali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li mhux se jħallu lil Robert Abela jkompli jniżżel lill-pajjiżna.

B’referenza għas-seduta tat-Tnejn li għadda, Bernard Grech qal li Robert Abela kien jaf li l-Ispeaker Anġlu Farrugia kien se jmur kontra r-ruling, għaliex telaq eżatt wara li ġiet sospiża s-seduta.

Bernard Grech qal li Robert Abela mhux qed jattakka dawk l-istituzzjonijiet li qed jaħdmu għalih, fosthom l-Awtorità tax-Xandir, il-PBS, l-Avukat Ġenerali kif ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija.

Hawnhekk, Bernard Grech qal li huwa inaċċettabbli li Robert Abela qed ikompli jattakka lill-media u lill-ġudikatura u huwa biss il-Partit Nazzjonalista li qed jaħdem f’isem il-poplu.