Lokali

Il-Maġistrat tagħmel aċċess fil-binja tas-Siġġiewi

Wara li llum kompla s-smiegħ dwar il-każ li fetaħ il-Partit Nazzjonalista rigward numru ta’ votanti li ġew irreġistrati fuq il-binja tal-Gvern fis-Siġġiewi, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech waqfet is-smiegħ biex tkun tista’ tmur hi stess is-Siġġiewi u tevalwa s-sitwazzjoni.

Hekk kif il-Maġistrat waslet fil-post, ir-rappreżentanti tal-Gvern qalulha li ma kellhomx iċ-ċwievet tal-appartamenti. Għalhekk talbet l-intervent tal-Pulizija biex tkun tista’ tidħol fil-flats tal-Gvern fejn ġiet innotata ċerta telqa.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kienet akkumpanjatha mill-Pulizija f’kull ħin waqt l-evalwazzjoni. Preżenti fis-Siġġiewi kien hemm ukoll d-deputat reġistratur tagħha.

Il-Partit Nazzjonalista kien beda proċeduri dwar numru ta’ votanti li ġew irreġistrati fuq il-binja tal-Gvern fis-Siġġiewi li għadha fi stat ta’ kostruzzjoni, bil-għan li l-Partit Laburista jipprova jirbaħ il-maġġoranza fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

Fil-fatt, s’issa x-xhieda kollha ammettew li ma jgħixux f’din il-binja tant li fil-binja għad m’hemmx dawl u ilma.