Lokali

Il-Ministru Falzon jaqbel mal-attakk li sar fuq il-ġurnalisti

Il-Ministru Michael Falzon jaqbel kompletament mal-attakki li l-Prim Ministru Robert Abela wettaq fuq il-ġudikatura u fuq il-ġurnalisti t-Tnejn waranofsinhar f’Kastilja. Minkejja l-kundanna minn bosta NGOs u saħansitra mill-Istitut Ġurnalisti Maltin, il-Ministru Falzon saħaq li jaqbel mal-attakki tal-Prim Ministru.

L-IĠM flimkien ma’ bosta NGOs fosthom l-aditus, u anke akkademici kkundannaw tali aġir tal-Prim Ministru – fejn saħqu li dan hu theddida għad-demokrazija – diskors perikoluż ta’ tixwix u mibegħda lejn min qiegħed iwettaq xogħol sabiex jissalvagwardja d-demokrazija ta’ pajjiżna.

Akkuża, li issa anke Michael Falzon qiegħed jaqbel magħha. Kif spjega l-IĠM, ma tfisser xejn ħlief li qed jiżra’ l-idea li l-ġurnalisti huma l-għedewwa tal-Istat u tal-poplu.

Mistoqsi għal darb’oħra minn Net News, Michael Falzon saħansitra qabel mal-attakki ta’ Robert Abela fil-konfront tal-Maġistrat Gabriella Vella, b’imminar ċar fuq ix-xogħol tal-ġudikatura.

Michael Falzon mhux biss kien Ministru taħt it-tmexxija ta’ Abela, iżda kien jagħmel parti wkoll mill-Kabinett tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat – fl-istess żmien li lura fl-2019 u fi snin ta’ qabel kienet twettqet kampanja orkestrata kontra l-media, u l-kmamar tal-aħbarijiet f’pajjiżna.

Għaldaqstant, diversi persuni qed jinsistu li minkejja li issa għaddew is-snin, il-Gvern tal-Labour għadu ma tgħallem xejn u minkejja l-appelli, il-kundanni u l-kritika – min suppost jissalvagwardja d-demokrazija u x-xandir ħieles – min jappella biex inħallu l-istituzzjonjiet jaħdmu qed ibaxxi rasu għal ta’ fuqu.