Lokali Parlament

Il-Ministru Grima sieket dwar il-pożizzjoni ta’ Muscat fl-MPL


Il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima sab dififkultà kbira u spiċċa biex baqa’ sieket fil-Parlament u ma weġibx dwar x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar Joseph Muscat fil-Malta Premeir League (MPL).


Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-President tal-Malta Premier League, Joseph Muscat, hu akkużat b’korruzzjoni u parteċipazzjoni f’assoċjazzjoni kriminali wara l-inkjesta Vitals. Hu staqsa lill-Ministru Grima jekk jemminx li din hi sitwazzjoni tenibbli.


Il-Ministru Clifton Grima qal li l-obbligu tiegħu hu li l-isport jikber u li jħalli l-għaqdiet sportivi jaħdmu fil-libertà assoluta. Hu qal li l-MFA mhijiex l-istess entità bħall-Malta Premier League (MPL) u sostna li l-politiku għandu jżomm ‘il bogħod minn deċiżjonijiet marbuta ma’ għaqdiet li mhumiex governattivi.


Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-obbligu tal-Ministru tal-Edukazzjoni hu li jassigura r-reputazzjoni tajba tal-isport u staqsa jekk il-Ministru Grima jaqbilx li l-inkjesta tkun pubblika biex il-poplu jkollu l-kontabbiltà kollha fil-kuntest tal-persuni li jirrappreżentaw l-għaqdiet sportivi.


Il-Ministru tal-Edukazzjoni qal li hu jaqbel mal-pożizzjoni li ħa l-Prim Ministru Robert Abela, li ddikjara li l-inkjesta għandha tkun pubblikata.


Beppe Fenech Adami reġa’ staqsa lilll-Ministru Grima jekk hux interessat li jsalva lil Joseph Muscat anki minħabba li hu kien dikjarat bħala ministru li kien qajjem rewwixta kontrih. Id-deputat Nazzjonalista staqsa lill-Ministru Grima jekk jaqbilx li l-inkjesta dwar Vitals tkun pubblikata biex l-MPL ikun jista’ jieħu d-deċiżjonijiet dwar Joseph Muscat.


Il-Ministru Grima qal li diġà wieġeb din il-mistoqsija u sostna li jrid iħalli lill-għaqdiet sportivi fil-libertà tagħhom.