Il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Wenzu Mintoff ikkonferma rebħa oħra favur il-Partit Nazzjonalista f’kawża li kien fetaħ kontra l-PBS minħabba żbilanċ fix-Xandir Nazzjonali – żbilanċ li issa ilu snin sħaħ jinħass kontra l-Partit Nazzjonalista u dawk kollha li jikkritikaw lill-Gvern.
L-Erbgħa filgħodu, il-Qorti laqgħet it-talbiet kollha li saru mill-Partit Nazzjonalista, f’dik li qed titqies bħala rebħa oħra favur il-poplu.
L-Imħallef Wenzu Mintoff kellu quddiemu l-kawża tal-Partit Nazzjonalista kontra l-Awtorità tax-Xandir li naqset milli tobbliga bis-sħiħ lix-Xandir Pubbliku sabiex jirraporta dak li seħħ kemm fuq ġewwa u anke fuq barra tal-Parlament meta seħħ id-dibattitu dwar il-mewta tarġika ta’ Jean Paul Sofia – u l-ħtieġa li ssir Inkjesta Pubblika.
Quddiem dan in-nuqqas, l-Imħallef ordna li l-PBS u anke l-Awtorità tax-Xandir iħalsu €2,000 kull wieħed.
Wara din id-decizjoni tal-Qorti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fakkar illi Robert Abela għandu responsabbiltà li jħalli l-istituzzjonijiet jaħdmu b’mod sħiħ favur il-poplu. Bil-Kap tal-PN jinsisti illi din id-decizjoni kienet konferma mill-Qorti li Robert Abela qed jikkontrolla lill-PBS u lill-Awtorità tax-Xandir
F’dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista kien rappreżentat mill-avukat Paul Borg Olivier. Il-kawża kienet preżentata mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino.
L-Awtorità tax-Xandir u l-PBS mhux l-ewwel darba li nstabu ħatja bi żbilanċ fix-xandir pubbliku. Jum wara l-ieħor l-aħbarijeit tal-PBS kienu qed isegwu xejra ta’ “aħbarijiet” u “stejjer” li jsemmu biss lill-Gvern u l-Partit Laburista u jħallu f’silenzju aħbarijiet li b’xi mod jew ieħor ma jaġevolawx lill-Gvern Laburista.
//= $special ?>