Lokali

Il-Prim Ministru ma jridx iwieġeb fuq il-kriżi tal-inkjesta Vitals

Abela jrid jitfa’ kollox taħt it-tapit – jgħid li ma jattakkax lill-ġurnalisti

Fost twissijiet mill-President ta’ Malta u kundanni minn għaqdiet u studenti; il-kampanja ta’ Robert Abela kompliet ‘il bogħod mill-iskrutinju tal-media. Dan filwaqt li d-Deputat Prim Ministru baqa’ jinsisti li għalissa … mhux se jikkummenta aktar.

Chris Fearne għadu qed jgħid li ma ircieva ebda notifika jew taħrika b’mod uffiċjali – minkejja li saru pubbliċi l-akkużi li għandhom fil-konfront tagħhom kemm Fearne, kif ukoll il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna….li bħal Fearne kien parti mill-Kabinett ta’ Joseph Muscat.

U filwaqt li Joseph Muscat jinsab akkużat fost l-oħrajn b’assoċjazzjoni kriminali, ħasil ta’ flus u frodi, flimkien ma’ Konrad Mizzi u Keith Schembri …id-Deputat Prim Ministru u id il-leminija ta’ Robert Abela jinsab akkużat bi frodi fil-każ tal-Vitals, flimkien ma’ Edward Scicluna.

L-Erbgħa filgħodu – sigħat biss wara l-aħbarijiet u r-rapporti li ħasdu pajjiż….minflok aġixxa u indirizza n-nazzjon quddiem din il-kriżi, Robert Abela u sħabu għażlu t-triq tas-silenzju wara jiem jattakka l-ġudikatura u l-ġurnalisti.

Net News stenna lill-Prim Ministru Abela għall-ewwel reazzjoni tiegħu quddiem Kastilja; madanakollu baqa’ ma tfaċċax. Biex imbgħad, sar magħruf fuq il-midja soċjali li żar il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar mingħajr ma sejjaħ il-midja.

Aktar tard Net News mar barra il-Parlament, fejn Abela għażel li jitkellem mhux dwar dan l-iskandlu…iżda dwar l-elezzjoni – li wieġeb kollox minkejja ebda reazzjoni minn naħa tal-Gvern wara li sar magħruf li d-Deputat Prim Ministru u Gvernatur tal-Bank Ċentrali jinsabu akkużati bi frodi.

U meta pressat bid-domandi ta’ Net News, għażel li jaħrab lejn il-karozza tiegħu filwaqt li insista li hu ma attakkax lill-ġurnalisti.

Intant, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fi stqarrija uffiċjali appellat għall-kalma. U wissiet sabiex l-istituzzjonijiet, partikolarment il-Qrati u l-ġudikanti għandhom dejjem jitħallew jagħmlu xogħolhom f’serenità.