Lokali Qorti

Rikors biex il-Qorti jkollha aċċess fuq l-ordni tal-iffriżar, u l-akkużi fil-konfront ta’ Muscat u sħabu

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha ta’ Qorti Kostituzzjonali, għandu jkollu aċċess għall-kopji tal-akkużi maħruġa u ordni ta’ ffriżar fil-konfront tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u dawk kollha li qegħdin jiġu mixlijin bi frodi, ħasil ta’ flus u korruzzjoni biex ikollha konoxxenza aħjar tal-każ.

Dan fil-konfront tal-kawża li fetaħ il-Partit Nazzjonalista biex jiġu rkuprati l-flus mogħtija lill-kumpaniji Vitals u Steward. Kawża li kellha tiġi differita għal darba darbtejn. Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel minn kollox biex iġib lura l-€400 miljun li qal li ngħataw għalxejn lil Vitals u Steward.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Toni Abela, qed tisma’ l-kawża li fetaħ il-Partit Nazzjonalista kontra l-Avukat tal-Istat dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, fejn fiha qed jintervjenu l-Gvern u l-Kabinett fuq talba li saret fl-aħħar xhur.

F’rikors imressaq fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u x-Shadow Minister għas-saħħa Adrian Delia kontra l-Avukat tal-Istat, ingħad li mill-aħħar seduta ‘l hawn seħħew diversi żviluppi konċernanti mal-inkjesta VITALS inkonnessjoni mar-rexissjoni tal-konċessjoni emfitewtika temporanja ta’ tliet sptarijiet, li huma l-isptar San Luqa, Karin Grech u l-isptar t’Għawdex.

Għaldaqstant, ir-rikors qed jgħid li jeħtieg li din il-Qorti preseduta mill-Imħallef Toni Abela, għandha tiġi mgħarrfa bl-atti ġudizzjarji li qed jiġu rrappurtati fil-media u dan biex il-Qorti jkollha kopja tal-attachment and investigation order li nħareg mill-Qorti Kriminali fuq ordni tal-Imħallef Edwina Grima kontra diversi persuni.

Barra minn hekk, ir-Repubblika ta’ Malta ħarget diversi akkużi mill-Qorti tal-Maġistrati (Malta) bħala Qorti Struttorja kontra diversi persuni fl-atti tal-kumpilazzjoni 380/2024 u 382/2024 quddiem l-Maġistrat Rachel Montebello.

Ir-rikors jgħid li għalhekk ikun utli li l-Imħallef Abela qabel ma jgħaddi għas-sentenza, ikollu kopja ta’ dawn l-atti li huma konnessi mal-mertu ta’ din il-kawża biex mhux biss hi tieħu judicial recognition ta’ dawn l-iżviluppi li qed iseħħu f’dan il-pajjiz, imma wkoll biex kopji tal-istess jiġu inseriti fl-atti ta’ din il-kawża.

Ir-rikors jgħid ukoll li din in-novità seħħet wara li r-rikorrenti għalqu l-provi tagħhom u għalhekk jinħtieg li din il-Qorti tawtorizza l-ħrug tal-inġunzjoni tar-Registratur tal-Qorti Kriminali sabiex dan jippreżenta kopji tal-attachment and investigation order li nħareg mill-Qorti Kriminali fuq ordni tal-Imħallef Edwina Grima kontra diversi persuni, kif ukoll kopji tal-atti ta’ akkużi maħruġa mill-Qorti tal-Maġistrati kontra diversi persuni fl-atti tal-kumpilazzjoni 380/2024 u 382/2024 quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

Għaldaqstant, Bernard Grech u Adrian Delia qed jitolbu lil Qorti jogħġobha tawtorizzahom iħarrku lir-Registratur tal-Qorti Kriminali sabiex jippreżenta kopji tal-attachment and investigation order li nħareg mill-Qorti Kriminali fuq ordni tal-Imħallef Edwina Grima, kif ukoll kopji tal-atti ta’ akkużi maħruga mill-Qorti tal-Magistrati kontra diversi fil-kawżi li se jibdew jinstemgħu quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

Ir-rikors ġie ppreżentat mill-Avukati Edward Debono u Nicholas Debono flimkien mal-Prokuratur Legali Katrina Zammit Cuomo.