Lokali

Il-President ta’ Malta tinsisti biex il-qrati u l-ġudikanti jitħallew jagħmlu xogħlhom fis-serenità

L-istituzzjonijiet, partikolarment il-qrati u l-ġudikanti tagħha għandhom dejjem jitħallew jagħmlu xogħolhom fis-serenità.

Hekk saħqet il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fi stqarrija fejn spjegat li l-avvenimenti li għaddej minnhom pajjiżna f’dawn il-ġranet jirrikjedu rażan u kawtela. Żgur ma jsirx ġid jekk inħallu lsienna jiġri bina u l-emozzjonijiet jitilgħu għal rasna, kompliet tgħid il-President.

B’aġir bħal dan tittappan ir-raġuni, żiedet tgħid Spiteri Debono, hekk kif appellat li hemm ħtieġa qawwija li ħadd ma jaqbeż il-limiti tal-prudenza u li jeħtieġ li nħallu s-sitwazzjonijiet jimmaturaw.

Il-liġijiet tagħna jipprovdu diversi rimedji għal min iħoss illi jkunu saru xi preġudizzji fil-konfront tiegħu jew tagħha. Dan jinkludi wkoll istanzi fejn individwu jew individwi jidhrilhom li jkunu ġew diskriminati, imċaħħda minn xi dritt jew li jidhrilhom li proċessi ġudizzjarji li jolqtuhom kienu b’xi mod difettużi. Atmosfera serena u kalma hija ta’ benefiċċju wkoll għal dawk kollha involuti jew b’xi mod milquta, sostniet il-President ta’ Malta.