Elezzjonijiet 2024 Lokali

INKJESTA VITALS: Chris Fearne u Edward Scicluna għandhom jirriżenjaw immedjatament

L-Avukat Ġenerali qed tibqa’ ċċaħħad lill-poplu milli jkun jaf il-verità meta l-Kap tal-Oppożizzjoni ilu jumejn li talabha tippubblika l-Inkjesta Maġisterjali. Dan filwaqt li Robert Abela għandu kopja tagħha mgħassa fl-uffiċju tiegħu f’Kastilja u qed juża’ l-informazzjoni biex jattakka lill-Maġistrat, lill-Qrati u lill-media.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li ftit tax-xhur ilu l-Qorti ddikjarat li l-Maltin u l-Għawdxin insterqu bid-deal tal-istparijiet u li min għamel dan kien fl-ogħla karigi tal-Gvern. Minflok għażlu s-saħħa tal-Maltin, għażlu li jimlew bwiethom u dawk tal-barranin.

Serqu s-saħħa lill-Maltin. Hu għalhekk li l-Inkjesta għandu tkun ippubblikata.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li sakemm l-Avukat Ġenerali tibqa’ ċċaħħad dan id-dritt lill-Maltin, tkun qed tibqa’ tħalli lil Robert Abela juża’ l-informazzjoni li għandu biex jattakka lil min jagħmel xogħolu. Se jibqa’ jattakka lill-ġudikatura, lill-Qrati u lill-ġurnalisti li ma jistax jiġbidlhom l-ispaga.

Issa li hu magħruf min huma dawk li jinsabu taħt akkuża, mhux aċċettabbli li Chris Fearne jibqa’ Deputat Prim Ministru ta’ pajjiżna. Mhux aċċettabli li persuna li fuq rasha għandha akkużi serji quddiem il-Qrati jkun innominat f’isem il-Maltin u l-Għawdxin għall-kariga presitġġjuża ta’ Kummissarju Ewropew.

Hu appella biex Robert Abela jirtira minnufih din in-nomina. Jekk ma jagħmilx dan, ikun, għal darb’oħra, qed iħammeġ isem pajjiżna.

Robert Abela ma ddejjaqx jarmi lil Chris Fearne quddiem il-Qorti meta qabillu biex isalva ġildu. Imma ma jħossx li għandu jissalvagwardja lill-Maltin u l-Għawdxin. Għax Robert Abela jimpurtah minnu biss.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-akkużi fuq Edward Scicluna jfissru li l-pożizzjoni tiegħu bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ukoll m’għadhiex tenibbli. Scicluna għandu jirriżenja minnufih minn Gvernatur kif ukoll minn fuq il-Bord tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Għandu jirriżenja wkoll Ronald Mizzi, li bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi. Fuqu wkoll hemm akkużi serji.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li l-akkużi li hemm fuq dawn u fuq oħrajn qed jagħmlu mhux biss ħsara lilhom, iżda anke lil pajjiżna. Jekk dawn jibqgħu ma jinżlux mill-karigi tagħhom, Robert Abela għandu fuqu l-obbligu li jpoġġi lill-Maltin u l-Għawdxin l-ewwel, u jkeċċihom.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-uniku Partit li ħadem dejjem favur Malta. Ħadem dejjem favur il-Malti li jaħdem fil-gaming, dak li jaħdem fis-servizzi finanzjarji, dak li jinvesti fin-negozju tiegħu.

Min-naħa l-oħra, kull siegħa li Chris Fearne, Edward Scicluna u Ronald Mizzi jibqgħu fil-karigi tagħhom tfisser aktar ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. U r-responsabbiltà ta’ dan kollu tinsab fuq spallejn Robert Abela.

Imma jekk Robert Abela se jibqa’ jagħżel lilu nnifsu qabel il-Maltin u l-Għawdxin, il-Partit Nazzjonalista mhux se jħallih. Il-poplu mhux se jħallih.

Hu inutli li Robert Abela jagħmel slogans bil-bandiera ta’ Malta jekk se jibqa’ jkaxkarha fit-tajn.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ għajnejh fuq Robert Abela. Se jibqa’ jgħasses ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Se jibqa’ jiddefendi lill-Maltin u l-Għawdxin, l-ewwel u qabel kollox.