Elezzjonijiet 2024 Ewropa Lokali

Jum l-Ewropa: Monumenti ewlenin madwar l-UE jiddawlu qabel l-elezzjonijiet Ewropej

Aktar minn 60 belt madwar l-Ewropa se juru messaġġi li jħeġġu liċ-ċittadini jivvutaw, xahar qabel l-elezzjonijiet Ewropej li se jsiru madwar l-UE bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju.

L-Arc de Triomphe f’Pariġi, il-Kolossew f’Ruma, u l-Grand Place ta’ Brussell, huma fost ħafna binjiet importanti madwar l-UE li se jkunu mdawla biex jimmarkaw id-9 ta’ Mejju, Jum l-Ewropa, u żmien xahar għall-Elezzjonijiet Ewropej (f’Malta fit-8 ta’ Ġunju). Fuq il-binjiet se jidher is-slogan tal-kampanja elettorali “Uża l-vot tiegħek. Inkella ħaddieħor se jiddeċiedi għalik” jew il-bandiera Ewropea bejn l-Erbgħa 8 ta’ Mejju u l-Ħamis 9 ta’ Mejju.

F’Malta se tiddawwal il-Forti Sant’Anġlu, u fost il-binjiet u monumenti oħra li qed jipparteċipaw hemm il-Pont Samuel Beckett u l-bini tal-parlament nazzjonali f’Dublin, is-sala muniċipali ta’ Vilnius, il-Palazz Presidenzjali fi Bratislava, il-pjazza Fuente de Cibeles f’Madrid, u l-Parlament Nazzjonali f’Bukarest.

B’dawn l-illuminazzjonijiet li qed iseħħu fil-bliet madwar il-kontinent, il-Parlament Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali u lokali qed jikkollaboraw biex jibagħtu messaġġ ta’ għaqda lil 440 miljun ċittadin Ewropew dwar l-importanza li dawn l-elezzjonijiet Ewropej se jkollhom għall-futur ta’ kulħadd.

Id-9 ta’ Mejju, Jum l-Ewropa, huwa mhux biss jum ta’ tifkira, iżda wkoll jum biex nikkunsidraw il-futur komuni tagħna. Il-fatt li l-ġurnata li fiha niċċelebraw l-Ewropa din is-sena hija ftit qabel l-elezzjonijiet. tagħmilha okkażjoni aktar partikolarment sinifikanti.

Jum l-Ewropa fid-9 ta’ Mejju ta’ kull sena jiċċelebra l-paċi u l-għaqda fl-Ewropa. Id-data timmarka l-anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman, dikjarazzjoni storika li stabbiliet l-idea tiegħu għal forma ġdida ta’ kooperazzjoni politika fl-Ewropa, li tagħmel il-gwerra bejn in-nazzjonijiet tal-Ewropa inkonċepibbli. Il-proposta ta’ Schuman hija meqjusa bħala l-bidu ta’ dik li issa hija l-Unjoni Ewropea.