Lokali Qorti

L-Eks Prim Imħallef Said Pullicino jiddefendi lill-Maġistrat Vella

“Il-Maġistrat Gabriella Vella hija l-aktar bastjun b’saħħtu fid-demokrazija ta’ pajjiżna u bil-ħidma tagħha qed tkompli ssaħħaħ il-Qorti.”

Hekk stqarr l-Eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino f’kummenti mat-Times of Malta hekk kif fl-aħħar ġimgħat il-Prim Ministru Robert Abela ħa kull opportunità possibbli biex jattakka lill-Maġistrat Gabriella Vella kif ukoll lill-ġudikatura.

L-Eks Prim Imħallef qal ukoll li huwa bis-saħħa tad-deċiżjonijiet li jieħdu li qed jaċċertaw li ssir ġustizzja totali u sigura ma’ kulħadd. Huwa saħaq li b’dawn id-deċiżjonijiet kulħadd qed jinżamm kontabbli ta’ għemilu.

Fil-kumment tiegħu, Said Pullicino fakkar meta proprju hu kien wieħed minn dawk li ħadmu fuq l-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u ddeskriva dak il-perjodu bħala trawma kbira.