Lokali

“L-Establishment qed jipprova jimmina proċess demokratiku” – Robert Abela

“Jekk ma nkunux aħna mela min? Mela min?!” – Steve Ellul

Għandna tħassib serju dwar il-kummenti li qed jagħmel il-Prim Ministru Robert Abela u dwar l-effetti li dawn il-kummenti ser iħallu.

Hekk saħqet l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, fi stqarrija konġunta fejn spjegat kif l-attakki li qed isiru fuq is-sistema tal-ġustizzja qed jolqtu l-qalba tad-demokrazija kif ukoll il-prinċipji bażiċi tal-governanza u għalhekk talbet għal-laqgħa urġenti mal-MCESD

Il-korpi kostitwiti għamlu referenza wkoll għal meta Abela rrefera għall-individwi, organizzazzjonijiet, instituzzjonijiet bħala ‘the establishment” jew inkella bħala l-għadu tal-Istat, u saħqu li dawn itellfu l-għan tal-ġudikatura.

Ftit tas-sigħat biss wara – fir-Rialto – il-Prim Ministru Robert Abela kompla jsodd widnejh u jinjora l-appelli tal-esperti u l-professjonisti u minflok kompla bin-narrattiva tal-aħna u l-huma, bl-attakki fuq il-ġudikatura billi jimmina u jiżvaluta xogħol il-Maġistrat Gabriella Vella għaliex sempliċiment għalqet l-Inkjesta Vitals.

Agħar minn hekk, issa xeħet fl-isfera partiġjana l-ġudikatura. Dan filwaqt li, minkejja kollox, kompla jitkellem u jbeżża’ lill-partitarji Laburisti bil-babaw tal-establishment.

Surrealment, m’għamel ebda referenza għall-akkużi li għandu quddiemu d-Deputat Prim Ministru u Ministru Chris Fearne, akkużi ta’ frodi b’rabta mal-Inkjesta Vitals jew saħansitra l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali u Eks Ministru Edward Scicluna.

Id-diskors fir-Rialto kien deskritt bħala wieħed mifni bl-għajjat u l-isteriżmu quddiem din il-kriżi fejn esperti qed jisħqu li huwa ċar li Abela jinsab daru mal-ħajt u ma jafx x’se jagħmel.

Aktar qabel il-kandidat tal-Parlament Ewropew Steve Ellul, li ngħata palata minn Abela fi Project Green fl-aħħar xhur, insista bin-narrattiva difiżiva fejn insinwa li għaddejja xi ħadma misterjuża kontra l-Gvern.

S’intendi, wara din il-ħadma jidher li skont Ellul ukoll, hemm is-suppost establishment li ma jġerraħx li t-tfal tal-ħaddiema qegħdin fil-Gvern u insista li Partit Laburista fil-Gvern immexxi b’umiltà, iżda fl-istess nifs iddeċieda li jiġi jaqa, u jqum minn min għandu twemmin politiku differenti minnu.