Internazzjonali

L-Ukrajna: Il-Russi jkomplu ‘bit-terrur mis-sema’ fuq il-faċilitajiet tal-enerġija

Ir-Russja qed tkompli bl-attakki koordinati fuq il-faċilitajiet tal-enerġija madwar l-Ukrajna bħala parti minn kampanja biex tintimida lill-poplu.

U filwaqt li l-President Ukren Volodymyr Zelensky qed jitkellem dwar ‘terroriżmu mill-ajru’ fuq il-miri ċivili, il-militar Russu insista li l-azzjonijiet fuq il-grid tal-enerġija tal-Ukrajna huma leġittimi minn aspett militari.

Fl-aħħar attakk tar-Russi intużaw aktar minn 50 missila u għexieren ta’ drones u fejn intlaqtu numru ta’ stallazzjonijiet u infrastruttura f’seba’ reġjuni madwar l-Ukrajna. L-azzjonijiet seħħew waqt jum ta’ kommemorazzjoni tat-trijonf  tal-eks qawwiet Sovjetiċi fuq il-qawwiet tal-Ġermanja Nażisti matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-President Zelensky, issa, qed jagħmel il-paraguni bejn is-sitwazzjoni f’pajjiżu u l-invażjoni tal-eks Unjoni Sovjetika mill-qawwiet tal-Ġermanja Nażista. Dan meta hu qed jirreferi għar-reġim tal-President Russu Vladimir Putin bħala ‘in-Nażisti ta’ Moska’.

Sadanittant, il-Ministeru tad-Difiża Russu qal li l-attakki fuq il-faċilitajiet tal-enerġija fl-Ukrajna huma tweġiba għall-aħħar azzjonijiet simili ‘mill-Ukreni’ fuq il-faċilitajiet taż-żejt fir-Russja.

Hu minnu wkoll li r-Russja ilha tibbumbardja l-faċilitajiet tal-enerġija fl-Ukrajna minn wara Frar tal-2022 – b’din l-istrateġija tirranka f’Marzu li għada, fost mewġa ta’ attakki konsistenti li wasslu biex l-awtoritajiet Ukreni jimponu perjodi ta’ blackouts fid-diversi reġjuni tal-Ukrajna.