Lokali

“Minflok qed jiddefendi lil pajjiżu Abela qed jaġixxi bħal bully tal-iskola” – MaltaToday

“Dawn huma żminijiet mingħajr ebda preċedenti – Abela qed jilgħab logħba perikoluża”

Il-Prim Ministru Robert Abela qed jilgħab logħba perikoluża – għal darb’oħra Abela minflok qed jieħu ħsieb il-poplu u l-pajjiż, libes il-vesti ta’ avukat difensur biex jidher li qed jiġġieled il-ġlieda ta’ Muscat.

Sostna dan l-editur tal-gazzetta MaltaToday fejn insista li dawn il-jiem huma ta’ dieqa kbira għall-poplu iżda stqarr li huwa ta’ xokk akbar li l-Prim Ministru qed jaġixxi qisu l-avukat difensur tal-predeċessur tiegħu billi jattakka u jimmina lill-ġudikatura, jiżvaluta u jiż#uffjetta bil-ġurnalisti u joħloq xi ħaġa frott l-immaġinazzjoni tiegħu bħal “L-Establishment”.

L-editur saħaq li hija ta’ dieqa li jara lil Abela jaġixxi qisu bully tal-iskola meta l-pajjiż sħiħ qed jistenna tmexxija għaqlija u retta minn għandu f’dan il-mument.

Intqal li minflok li jiżgura li wara dan kollu l-pajjiż joħroġ iżjed b’saħħtu – Abela jidher li huwa sempliċiment interessat li jħares l-interessi tal-partit tiegħu biss. L-editur sostna li filwaqt li għandu kull dritt jissalvagwardja lill-Partit Laburista, il-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jiddefendi u jipproteġi akkost ta’ kollox il-persuni li waslu lill-pajjiż s’hawn.

L-editur temm jgħid li sfortunatament Robert Abela għal darb’oħra nesa li huwa l-Prim Ministru u għandu pajjiż x’jieħu ħsieb. Minflok libes il-kappell ta’ avukat u ddeċieda li jissielet il-battalja ta’ Muscat u sħabu.

Dan kollu wara li fl-aħħar jiem u xhur ħareġ bl-aktar mod ċar li l-proġett li kellu jkun ikona għal-Labour, ma kien xejn ħlief suf u mezz biex jinħaslu fih il-flus – għad-dannu tal-Maltin u l-Għawdxin.

L-editur tal-Malta Today sostna li minn dan il-proġett ħarġet korruzzjoni mingħajr ebda preċedent – fejn għall-ewwel darba pajjiżna qed jara Eks Prim Ministru Joseph Muscat, akkużat b’assoċjazzjoni kriminali, korruzzjoni, frodi u ħasil ta’ flus.

L-istess akkużi għall-Eks Deputat Mexxej Laburista u Eks Ministru Konrad Mizzi flimkien mal-Eks Chief of Staff f’Kastilja Kieth Schembri.

Dan filwaqt li d-Deputat Prim Ministru u Ministru Chris Fearne, flimkien mal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali u l-Eks Ministru Edward Scicluna, jinsabu akkużati fost oħrajn bi frodi.

L-editur temm jgħid li qatt fl-istorja pajjiżna ma kellu jħabbat wiċċu ma’ mument delikat u ta’ kriżi bħal dan – fejn iddeskriva dawn iż-żminijiet bħala mingħajr ebda preċedent – li ma jistax ikollna Prim Ministru jaġixxi ta’ bully tal-iskola.