Sport

Qormi Daikin champions tal-Hockey 7s

Qormi Daikin komplew bis-sensiela ta’ suċċessi li kisbu matul dan l-istaġun meta rebħu l-Hockey 7s hekk kif għelbu lir-rivali diretti GREE Żurrieq Hotsticks 5-2.

Il-Qriema kienu dejjem kmandi tal-logħba, biż-Żrieraq li wettqu xi żbalji difensivi li rriżultaw fatali.

Nathan Pace Gasan kien l-eroj għall-Qriema meta skorja tripletta, filwaqt li Wyatt Magri u Ayrton Falzon għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

Iż-Żrieraq skorjaw il-gowls tagħhom grazzi għad-doppjetta tal-plejer żagħżugħ Jayden Cutajar.

Fi tmiem il-konfront, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey Gordon Mifsud ippreżenta t-tazza lill-plejer ta’ Qormi Daikin Giorgio Muscat.

Umpires kienu David Agius u Edward Hughes.

Rebħa għal Floriana Young Stars

F’partita oħra li ma kellha l-ebda interess għall-klassifika, Floriana Young Stars għelbu lil Rabat 5-3.

Il-Greens stabbilixxew vantaġġ ta’ erba’ gowls sa tmiem it-tielet quarter sabiex fir-raba’ quarter, ir-Rabtin naqqsu l-marġni tal-iskor għalkemm ma kienx biżżejjed biex jieħdu xi ħaġa minn dan il-konfront.

Marvin Grixti, Verner Cachia, Oscar Toledano, Justin Farrugia u Noah Ciavola skorjaw għal Floriana, b’Rabat li kellhom lil Kevin Micallef jiskorja doppjetta b’Karl Brincau li jżid ieħor.

Umpires kienu Glen Bonello u David Agius.

KLASSIFIKA FINALI – HOCKEY 7s

Qormi Daikin 10, GREE Żurrieq Hotsticks 7, Floriana Young Stars 4, Rabat 3.

Sadanittant, mill-kampjonat ta’ taħt it-12-il sena, Marsaskala Summer Nights B għelbu lil GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 3-0 filwaqt li De La Salle Floriana rebħu 5-2 kontra Marsaskala Summer Nights A.