Internazzjonali

Semifinali tal-Eurovision li ma kinitx nieqsa mill-kontroversji politiċi

10 kanzunetti minn 10 pajjiżi differenti għaddew għal finali tal-Eurovision li se tkun qed issir nhar is-Sibt fil-Malmo Arena.

L-10 finalisti huma s-Serbia, il-Portugal, is-Slovenia, l-Ukrajna, il-Litwanja, il-Finlandja, Ċipru, il-Kroazja, l-Irlanda u l-Lussemburgu li ritornaw għal dan il-konkors wara 31 sena.

Il-kantant Johnny Logan, li rebaħ dan il-konkors darbtejn, ta prestazzjoni tal-kanzuentta Euphoria.

Din hija l-kanzuentta li biha rebħet il-Eurovision l-ewwel darba l-kantanta Loreen; l-istess artista li s-sena l-oħra rebħet il-Eurovision għat-tieni darba  bil-kanzunetta ‘Tattoo’

Intant, waqt l-ewwel serata, l-Iżvezja li qed tospita dan il-konkors, flimkien mar-rappreżentanti tar-Renju Unit u l-Ġermanja, taw il-prestazzjoni tagħhom minkejja li dawn awtomatikament ikkwalifikaw għal finali.

Il-kanzuneta ‘Rim Tim Tagi Dim, tal-kantant Baby Lasagna mill-Kroazja hija fost il-favoriti li tirbaħ dan il-konkors.

Din l-ewwel semifinali ma kinitx nieqsa mill-kontroversji hekk kif il-kantant Eric Saade libes tip ta’ scarf magħruf bħala ‘Keffiyeh’ ma idejh; scarf li  normalment jintlibes minn dawk li jkunu jridu juru l-appoġġ tagħhom lill-Palestinjani.

Il-kantanta Bambi li qed tirrappreżenta lill-Irlanda, ukoll spjegat li kellha ordnijiet ċari biex tneħħi aċċessorji mill-kostum tagħha li  kellhom konnesjonijiet mal-Palestinjani.

Il-kantant Olly li qed jirrappreżenta lir-Renju Unit, ma ċediex għat-talbiet li kellu biex ma jikkompetix f’dan il-konkors, wara li kien talab għal waqfien mill-ġlied f’Gaza. Waqt il-prestazzjoni tiegħu li kienet movimentata ferm, l-apparat tal-mikrofnu spiċċa waqagħlu.

Issa jmiss l-attenzjoni għall-Ħamis, meta l-kantanta Sarah Bonnici tinterpreta l-kanzunetta ‘Loop’ f’isem Malta.