Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa ta’ €4,000 fuq theddid fil-konfront ta’ uffiċjal quddiem skola

Żagħżugħ ta’ 28 sena ġie kundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sena u multa ta’ €4,000 mill-Maġistrat Astrid May Grima wara li nstab ħati li quddiem l-iskola primarja ta’ Birkirkara offenda bi kliem li jikkonsisti f’dagħa fil-konfront ta’ uffiċjal tal-komunità.

Massimo Borg kien mixli li fis-6 ta’ Novembru li għadda, għall-ħabta tat-8.15am fi Triq Brared, attakka jew irreżista lill-uffiċjal tal-komunità, li dagħa u qal kliem oxxen fil-pubbliku, u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat, ġlied u storbju.

Mill-provi li tressqu rriżulta li l-uffiċjal tal-komunità kien xogħol ħdejn l-iskola meta l-imputat waqaf bil-karozza biex iniżżel it-tfal. L-uffiċjal tal-komunità xehed fil-Qorti li huwa ġibidlu l-attenzjoni għax kellu l-mirja tal-ġenb neqsin u l-imputat beda jkellmu ħażin, imbuttah u tajjarlu l-mobile minn idu.

Fl-istess waqt beda jheddu li se jsibu u jpattihielu waqt li żied li kienu xi ġenituri li ċemplu għall-għajnuna fuq il-112. ll-Maġistrat Grima emmnet il-verżjoni tal-uffiċjal tal-komunità u sabet lill-akkużat ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih mill-Ispettur Andrew Agius Bonello.

Minbarra l-multa u l-piena ta’ ħabs sospiża, il-Maġistrat Grima rabtet lil Borg b’garanzija personali ta’ €2,000 u għal sena biex ma jdejjaqx lill-uffiċjal tal-komunità.