Elezzjonijiet 2024 Lokali

Tfaħħar lill-istudenti wara li esprimew appoġġ totali lejn il-ġudikatura

Il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-MEP’s Louise Ann Pulis bdiet fid-diskors tagħha f’Ħal Tarxien, billi kritikat lill-Prim Ministru u mexxej tal-Labour Robert Abela, u kif f’dawn l-aħħar xhur irnexxielu joħloq ħafna taħwid u kif qatt ma jindirizza l-problemi serji li hawn f’pajjiżna, fosthom il-koruzzjoni, it-traffiku, il-bini u l-edukazzjoni.

Pulis kompliet iżid kif Abela mhuwiex demokratiku, u faħħret lill-istudenti tal-liġi tal-protesta li għamlu lbieraħ quddiem il-Qorti. Hi stqarret li l-Partit Nazzjonalista huwa differenti, u kif għoxrin sena ilu kien il-Partit Nazzjonalista li daħħal lill-pajjiżna fl-Unjoni Ewropea sabiex ikollna valuri Ewropej u jkollna futur sod.

Hi kompliet issostni kemm iż-żagħżagħ Maltin qed isibu diffikultà jimirħu f’din is-soċjetà, u jkunu indipendenti, kif ukoll kemm sar perikoluż dan il-pajjiż, speċjalment għal dawk li jaħdmu fil-bini.

Louise Ann Pulis ikkonkludiet billi tgħid li hija lesta tkun viċin tal-poplu Malti u lesta tkun parti mill-bidla, u ħeġġet lill-votanti kollha jivvotaw lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għal futur aħjar.