Lokali

Abela jibqa’ jixħet kollox taħt it-tapit … il-Prim Ministru ma jindirizzax il-kriżi fil-pajjiż

Jumejn jevita milli jitkellem dwar id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne

Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab deċiż li ma jindirizzax il-kriżi li hawn fil-pajjiż.

Kriżi li l-Korpi Kositwiti, fosthom il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji kif ukoll l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem li tant kemm jinsabu mħassba li sejħu laqgħa urġenti tal-MCESD.

Dan hekk kif waqt li Abela għandu l-id il-leminija tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne akkużat bi frodi, huwa qed jibqa’ jżommu miegħu, u wara li ilu jaħrab milli jwieġeb id-domandi tal-ġurnalisti għal jumejn sħaħ fuq dan is-suġġett, il-Ħamis filgħaxija lanqas biss lissen kelma waħda dwarha.

Fiċ-Ċentru Laburista f’Marsaxlokk il-Ħamis filgħaxija, wara jiem sħaħ jattakka lill-ġudikatura u jwerwer bil-babaw tal-establishment  Abela ddeċieda li jixħet kollox taħt it-tapit daqslikieku fl-aħħar jiem ma ġara assolutament xejn.

Waqt li tkellem fuq l-ambjent fejn ironikament diversi ċittadini huma konxji mill-fatt li jinsabu mċaħda minnu qalb toroq żdingati, traffiku u rwejjaħ id-dell tal-kriżi li għandu fi ħdanu tibqa’ persistenti la darba Robert Abela minflok jindirizza l-isfida politika bl-aktar mod ċar, issa jrid jaħrabha u jnessiha.

Dan ukoll fid-dawl li issa saħansitra l-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer qed jixħet dubji serji dwar jekk Chris Fearne għandux jibqa’ jiġi mbuttat għal Kummissarju Ewropew minħabba l-akkużi ta’ frodi li għandu fuq rasu.