Lokali

Bernard Grech iħabbar protesta għal nhar it-Tnejn biex il-Maltin jingħataw lura s-saħħa

Il-poplu huwa msejjaħ għal protesta nhar it-Tnejn li ġej, quddiem il-Parlament, sabiex il-Maltin jerġgħu jingħataw is-saħħa li jixirqilhom.

Ħabbar dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fid-dawl tal-aħħar żviluppi li seħħew b’rabta mal-Inkjesta Vitals, fejn fost l-oħrajn ħareġ ċar illi hemm akkużi serji fil-konfront tal-Eks Prim Ministru u Eks Mexxej tal-Labour Joseph Muscat flimkien mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, u Eks Ministru Edward Scicluna, li kellhom sehem fl-akbar skandlu li qatt ra pajjiżna.

F’indirizz lin-Nazzjon, Bernard Grech qal li l-poplu Malti u Għawdxi ma jistax jibqa’ jdawwar wiċċu għal dawn l-iskandli.

“Matulha se ntennu l-appell tagħna biex din l-Inkjesta tiġi ppublikata mill-iktar fiss, issa iktar u iktar li nafu sew min qed jiġi mressaq. Nafu l-akkużi, li huma mill-iktar serji u bla preċedent,” qal Bernard Grech.

Bernard Grech fakkar li l-Gvern għandu jiddikjara x’qed jagħmel biex iġib lura l-€400 miljun li nsterqu mill-barranin, filwaqt li jwarrab mill-pożizzjoni tagħhom lil dawk li huma akkużati kriminalment.

“Intennu wkoll li Chris Fearne għandu mmedjatament jirriżenja minn Viċi Prim Ministru u Robert Abela għandu jirtira l-applikazzjoni ta’ Chris Fearne għal Kummissarju Ewropew. Edward Scicluna għandu jirriżenja minnufih minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali u mill-bord tal-Bank Ċentrali Ewropew. Ronald Mizzi għandu jirriżenja minn Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi. Għandu jirriżenja kull min huwa akkużat f’dan l-każ u jokkupa kariga pubblika,” qal Bernard Grech.

Bernard Grech fakkar li l-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm għalik u għal pajjiżna; lest li jiġġieled għad-drittijiet ta’ kull individwu – filwaqt illi insista li f’dan il-mument għandu bżonn lil kull persuna warajh.