Il-Knisja f’Malta tistieden lill-Kattoliċi kollha f’Malta sabiex jinġabru flimkien għal ċelebrazzjoni djoċesana lejlet il-festa ta’ Għid il-Ħamsin, nhar is-Sibt, 18 ta’ Mejju, fil-Knisja Parrokkjali tal-Floriana, fis-7:30pm.
L-istedina ta’ din is-sena hi mnebbħa mill-Atti tal-Appostli: “U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont mal-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu” (Atti 2:3-4).
Iċ-ċelebrazzjoni djoċesana se tkun ippreseduta mill-Arċisqof Charles J Scicluna u se jkun hemm mument ta’ talb minn diversi gruppi u movimenti fi ħdan id-djoċesi u katekeżi minn Dun Paul Sciberras. Tliet persuni se jkunu qed jaqsmu l-esperjenza tal-fidi tagħhom, fosthom persuna li se titkellem dwar l-esperjenza missjunarja tagħha u kif wasslet il-Bxara t-Tajba f’art imbiegħda. Il-qofol taċ-ċelebrazzjoni se jintlaħaq bl-adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija u t-talb lill-Ispirtu s-Santu minn għaqdiet u movimenti Nsara.
Fil-festa ta’ Għid il-Ħamsin, il-Knisja tfakkar l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u l-bidu tal-ħajja tal-Knisja, hekk kif id-dixxipli bdew ixandru l-Bxara t-Tajba mad-dinja kollha.
//= $special ?>