Membri tal-Parlament Ewropew fi ħdan il-Kumitat tas-Saħħa għandhom tħassib serju dwar in-nomina tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għall-pożizzjoni li Robert Abela nnominah għaliha, dik ta’ Kummissarju Ewropej.
Hekk żvela l-ġurnal internazzjonali ‘Politico’ wara li sar magħruf li Fearne qed jiffaċċja akkużi kriminali dwar ftehim li sar bejn il-Gvern u Vitals biex jiġu pprivatizzati tliet sptarijiet li kienu tal-Istat. Bil-ġurnal jinnota wkoll kif anke l-MEP Laburista Cyrus Engerer stqarr li l-Parlament Ewropew, għandu standards għoljin meta jkun qed japprova r-rwol ta’ Kummissarju Ewropej.
‘Politico’ rrapporta wkoll kif Fearne kien fost il-favoriti biex jilħaq Kummissarju tas-Saħħa minflok Stella Kyriakides wara l-elezzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Però, qabel ma jintgħażel bħala Kummissarju tas-Saħħa, Fearne għandu bżonn l-approvazzjoni tal-Parlament tal-Ambjent u s-Saħħa kif ukoll tal-Kunsill.
Bil-ġurnali jkompli jiżvela kif numru ta’ MEPs issa qed jindikaw li n-nominazzjoni ta’ Fearne taf tiffaċċja sensiela ta’ problemi, kif fil-fatt ġara fil-passat.
Fl-2019 il-Parlament m’approvax in-nomina ta’ Sylvie Goulard għall-Kummissarju minħabba dubju ta’ etika, waqt li numru ta’ MEPs kienu rrifjutaw in-nomina tal-Ungerija u r-Rumanija għall-Kummissarju minħabba kunflitt ta’ interess.
Intant, ‘Politico’ żvela wkoll kif Chris Fearne rrifjuta li jagħti kumment lil dan il-ġurnal dwar din l-istorja.
//= $special ?>