Internazzjonali

Gaza: Attakki f’Rafah iħallu tal-anqas tmien persuni mejta

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden ħabbar li mhux se jipprovdi armi lil Iżrael għall-attakk fuq Rafah. Dan filwaqt li se jkompli jagħti biss armamenti neċessarji bil-għan li jkunu jistgħu jiddefendu lilhom infushom – fosthom munizzjon.

Dan iddikjarah fuq stazzjon Amerikan, hekk kif qal li l-Istati Uniti bl-ebda mod ma trid tkun parti minn attakk kbir fuq Rafah.

Fi żviluppi oħra l-eks President tal-Istati Uniti Donald Trump akkuża lil Biden li qed iżomm man-naħa tat-terroristi; kif ukoll li huwa wisq dgħajjef sabiex jappella għall-ordni hekk kif komplew il-protesti f’diversi universitajiet, fosthom f’Columbia.

Infatti l-istess Università kkanċellat iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni li kellha ssir minħabba tħassib fuq is-sigurtà b’Donald Trump fuq il-media soċjali jgħid li Biden hu responsabbli għall-miżuri li kellha tieħu l-Università.

Intant, matul il-lejl li għadda komplew l-attakki f’Rafah fejn sfortunatament tal-anqas 8 persuni tilfu ħajjithom. Ritratti fuq il-midja soċjali juru lin-nies ifittxu qalb it-tifrik fost l-appelli għal waqfien mill-ġlied.

Din il-gwerra li ilha għaddejja minn Ottubru li għadda ħalliet kważi 35,000 Palestinjan mejjet filwaqt li ‘il fuq minn 78,000 persuna ġarrbu xi ġrieħi.