Lokali

Għal-Labour l-Inkjesta Vitals “qiegħda triegħed lil pajjiżna”

L-Inkjesta Maġisterjali ta’ Vitals bdiet l-ewwel pass biex tikxef il-frodi u l-ħasil ta’ flus minn fuq is-settur tas-saħħa. Bil-kandidat Laburista Alex Agius Saliba jgħid li din l-Inkjesta hi waħda li riegħdet lil pajjiżna.

“Qiegħda [l-Inkjesta Vitals] triegħed l-aktar prinċipju fundamentali tad-demokrazija ta’ pajjiżna,” qal Agius Saliba.

Dan qalu f’dibattitu li sar bejn numru ta’ kandidati tal-Parlament Ewropew fuq TVM, bis-suġġett tal-Inkjesta Vitals jiddominat il-maġġoranza tal-programm.

Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista, Peter Agius qal li dan id-deal frawdolenti wassal biex inkixfet il-maskra ta’ Robert Abela.

“Il-poplu nsteraq €400 miljun. Flok iddefenda lill-poplu, iddefenda lil nies korrotti. Flok saħħa l-istituzzjonijiet, għażel li jattakkahom,” qal Peter Agius.

Minn naħa tiegħu, il-kandidat tal-Parlament Ewropew, David Agius tkellem dwar l-importanza li kull individwu joħroġ jivvota fit-8 ta’ Ġunju.

“Nafu l-Partit Nazzjonalista x’qiegħed iwiegħdek, nafu wkoll il-Partit Laburista fejn qiegħed ukoll. Li rridu f’dawn it-30 ġurnata li fadal li nikkonvinċu li l-Ewropa hi posittiva għall-poplu Malti u Għawdxi. U inti trid toħroġ tivvota għax l-Ewropa taffetwak.,” qal David Agius.