Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Għandna dmir lejn pajjiżna … ma nistgħux nibqgħu bi Gvern jikkopera mal-kriminali” – Bernard Grech

Ma jaqtgħu xejn l-appelli tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sabiex kulħadd joħroġ jivvota fit-8 ta’ Ġunju li ġej – elezzjonijiet importanti li fihom se neleġġu s-sitt rappreżentanti Maltin fil-Parlament Ewropew, kif ukoll il-Kunsilli Lokali ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech tkellem dwar l-aħħar avvenimenti li seħħew f’dawn il-jiem b’rabta mal-Inkjesta Vitals, waqt attività soċjali organizzata mill-Partit Nazzjonalista f’Baħar iċ-Ċagħaq

Huwa qal li l-ebda persuna m’għandu jaċċetta li jkompli jikkopera mal-kriminali u fakkar fl-akkużi serji marbuta ma’ din is-serqa tal-isptarijiet.

Bernard Grech qal li l-ebda membru parlamentari m’għandu jibqa’ fir-rwol tiegħu bħala parti mit-tmexxija ta’ pajjiżna meta jinsab akkużat b’involviment kriminali. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista baqa’ jappella f’dawn il-jiem sabiex id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jwarrab mill-pożizzjoni tiegħu llum qabel għada.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar dak li seħħ din il-ġimgħa fil-Kamra tar-Rappreżentanti u qal li l-Ispeaker tal-Parlament qed iwaqqaf li ssir diskussjoni biex ikun hemm ir-riżenja immedjata ta’ Fearne.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li sabiex pajjiżna wasal għal dan il-mument li nsiru nafu l-verità kollha, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia spiċċat tħallas b’ħajjitha. Kien għalhekk li rrimarka fuq l-importanza ta’ kull vot fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju. Vot favur pajjiżna u favur il-ġenerazzjonijiet futuri.

Bernard Grech appella mill-ġdid sabiex kull persuna tkun preżenti quddiem il-Parlament nhar it-Tnejn li ġej fis-6pm għal protesta kontra l-aħħar żviluppi b’rabta mal-Inkjesta Vitals.