Lokali

Tħassib dwar l-għoli tal-ħajja, jeħtieġ aktar diliġenza meta nindirizzaw il-korruzzjoni

Nuqqas ta’ Governanza tajba, iż-żieda fil-popolazjoni, l-inflazzjoni u l-livell ta’ korruzzjoni f’pajjiżna.

Dawn huma wħud mill-kwistjonijiet li qed iħassbu lin-negozji ta’ pajjiżna skont stħarriġ li sar mill-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji – sfidi li qed jibqgħu jippersistu għax mhux jittieħdu bis-serjetà, u li għalhekk qed jaffettwaw ukoll il-kwalità tal-ħajja tal-poplu kollu.

Dan is-survey li sar bejn id-19 u 30 ta’ April, juri kif 33% tan-negozji jemmnu li pajjiżna għandu nuqqas ta’ governanza tajba, 31% jgħidu li Malta għandha wisq nies jgħixu fiha, u skont dan l-istħarriġ jidher ukoll li dan il-presentaġġ baqa’ jiżdied kontinwament sa minn nofs is-sena li għaddiet.

30% tan-negozji qalu li l-Gvern għandu jagħmel xi ħaġa biex jindirizza l-inflazzjoni, minkejja li l-iskema ‘Stabbiltà’ kienet ilha li daħlet fis-seħħ iktar minn tliet xhur, waqt li 26% tan-negozji jixtiequ lill-Gvern jindirizza l-korruzzjoni, sentiment li jinħass f’iktar minn kwart tan-negozjanti fi żmien meta kienet għadha ma ġietx konkluża u lanqas kienu ħarġu l-ismijiet ta’ min se jkun hemm kontrih att ta’ akkużi.

Dan l-istħarriġ li sar online b’kollaborazzjoni bejn iċ-Chamber of SME’s u l-Misco, wera wkoll li 66% tan-negozjanti jemmnu li ż-żieda fil-prezzijiet, l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja huma l-iktar affarijiet li għandhom jiġu diskussi f’din il-kampanja elettorali. Waqt li iktar minn kwart tan-negozjanti jemmnu li anke livell ta’ demokrazija f’pajiżna u s-saltna tad-dritt għandhom jiġu diskussi, tajjeb li wieħed ifakkar li dan il-persentaġġ mhux żgħir li wera tħassib dwar id-demokrazija u s-saltna tad-dritt qabel mal-Prim Ministru beda jattakka s-sistema tal-ġustizzja.

Persentaġ ieħor li qed ikompli jikber huwa dak ta’ negozji li jaħsbu li t-12-il xahar li ġejjin mhux se jkun perjodu tajjeb biex jinvestu. 32% tan-negozji jaħsbu li s-sena li ġejja mhux se tkun sena li fiha jkun ideali li jinvestu – lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet dan kien ta’ 27%. Dawk li jaħsbu li t-12-il xahar li ġejjin se jkun perjodu tajjeb biex jinvestu huma biss 12%, differenza ta’ 4% mill-aħħar tas-sena li għaddiet u ta’ 2% min-nofs is-sena 2023.

Intant, waqt il-konferenza li fiha ġew ippreżentati dawn ir-riżultati, tkellem ukoll Philip Fenech, id-Deputat President taċ-Chamber of SME’s, li spjega kif it-turiżmu kiber wisq malajr u għalhekk wasal f’punt fejn ma jistax ikompli jikber b’din ir-rata. Hu spjega kif bħalissa qegħdin f’punt kruċjali … specjalment fejn tidħol l-infrastruttura.

Il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji offriet ukoll numru ta’ rakkomandazzjonijiet, fejn bdiet billi l-ewwel u qabel kollox tissuġġerixxi li l-Gvern jara x’jagħmel biex iżid il-fiduċja tan-negozjanti fl-ekonomija, kif ukoll biex joħloq sentiment pożittiv għall-investiment. Mill-ġdid, Misco reġgħet issuġġeriet lill-Gvern biex jimplimenta tnaqqis fir-rata tal-VAT li jħallsu n-negozji… liema talba qed tibqa’ taqa’ fuq widnejn torox.

Suġġeriment ieħor li għaddiet il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji huwa li l-Gvern joħloq strateġija ta’ kif se jindirizza l-problema tal-overpopulation, liema strateġija għandha tinkludi inizjattivi għal iktar investiment infrastrutturali, miżuri għal żvilupp aktar sostenibbli, fost oħrajn.

Jeħtieġ ukoll strateġija biex nattiraw ħaddiema barranin ta’ kwalità, u strateġija nazzjonali biex nindirizzaw il-problema tan-nuqqas ta’ riżorsa umana.

Dwar l-inflazzjoni ssuġerew li l-VAT fuq il-prodotti u s-servizzi tonqos minn 18% għal 15% hekk kif din tiggarantixxi stabbiltà fil-prezzijiet waqt li ma jonqosx id-dħul għan-negozji. Il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji ssuġeriet ukoll li titneħħa s-sisa fuq affarijiet essenzjali (liema prodotti mhux inklużi fl-iskema ‘Stabbiltà’) bħall-ilma, ix-xorb mhux alkoħoliku, prodotti tax-xagħar, sapun tal-ħwejjeġ u wipes fost oħrajn.