Kummerċ Lokali

L-APS jissalvagwardja r-reputazzjoni tiegħu

Ikeċċi lil Joseph Rapa li l-Inkjesta tal-Vitals identifikat li għandu jitressaq il-Qorti

L-APS issalvagwardja r-reputazzjoni tiegħu meta ħa azzjoni u keċċa mill-Bord lil Joseph Rapa, Eks Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa u Direttur fuq il-Bord tal-bank tal-knisja APS, u msemmi fost dawk li se jitressqu l-Qorti wara li ġiet konkluża l-Inkjesta Vitals.

L-Eks Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa Joseph Rapa, hu fost dawk li l-Inkjesta Vitals identifikat li għandu jitressaq il-Qorti b’akkużi kriminali dwar il-bejgħ tat-tliet sptarijiet pubbliċi li l-Qorti ordnat li jgħaddu lura lill-poplu wara li l-Gvern Laburista biegħhom lill-privat. Joseph Rapa tneħħa minn Direttur fuq il-Bord tal-APS il-bank f’Malta mmexxi mill-Knjisja.

Dan il-każ kien żvelat minn The Shift li kkwota li Rapa hu l-ewwel vittma tal-Inkjesta, bil-Bank APS ikeċċi lil Rapa mill-Bord. L-istess Inkjesta kkonkludiet ukoll li għandhom jitressqu l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, l-Eks Ministri Laburisti Konrad Mizzi u Edward Scicluna, u l-Eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri.

Il-bank ħabbar uffiċjalment li kien qed jirtira r-riappuntament ta’ Joseph Rapa minn Direttur tal-bank.

Din id-deċiżjoni li ħa l-bank APS hi bil-kontra ta’ dak li qed jagħmel il-Gvern bħalissa, li minbarra l-attakk feroċi li qed jagħmel kontinwament kontra l-ġudikatura, qed jippersisti li jħalli l-akkużati, fosthom eks politiċi, li jibqgħu jokkupaw karigi għolja u jħammġu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Fost dawn il-karigi pubbliċi hemm dik ta’ Deputat Prim Ministru li meta nbiegħu l-isptarijiet pubbliċi minn wara dahar il-poplu, kien jokkupa wkoll il-kariga għolja ta’ Ministru tas-Saħħa; u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali li dak iż-żmien kien il-Ministru Laburista tal-Finanzi u llum Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.