Lokali Qorti

L-inkjesta magħluqa u t-talbiet ta’ Muscat ma jistgħux jintlaqgħu – iżda l-Eks PM se jingħata aċċess għall-Inkjesta

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti ċaħdet it-talba ta’ Joseph Muscat biex iħassar l-investigazzjoni kriminali li wettqet il-Maġistra Inkwirenti dwaru u dwar il-kompliċi tiegħu inkonnessjoni mal-bejgħ frawdolenti ta’ tliet sptarijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.

L-Imħallef Grixti osserva li minħabba li l-inkjesta issa tlestiet, talbiet oħra ta’ Muscat ma setgħux jiġu kunsidrati. L-Eks Prim Ministru ried li l-Qorti tordna lill-Maġistrat Gabriella Vella titneħħa mill-kawża, u kien talab li l-inkjesta tiġi sospiża sakemm tiġi deċiża dik it-talba.

Fil-Qorti ntuża lingwaġġ simili għal dak li qed juża’ l-Prim Ministru mill-Avukati ta’ Joseph Muscat. Fil-fatt il-fondatur tal-Għaqda Repubblika, Robert Aquilina, qal li dan kollu seħħ biex tiddgħajjef il-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat. Dan biex b’hekk Joseph Muscat ikun jista’ jara l-provi li nġabru kontrih fl-investigazzjoni kriminali qabel jiġi akkużat fil-Qorti.

Iżda l-Imħallef qal li minħabba li l-inkjesta ġiet konkluża, it-talba ta’ Muscat biex tiġi sospiża ma kinitx għadha rilevanti. Il-Qorti qalet ukoll li partijiet mill-inkjesta maġisterjali tal-Vitals li jirreferu għal Joseph Muscat għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu, qalet il-Qorti l-Ħamis waranofsinhar.

L-Imħallef Giovanni Grixti ordna lill-Avukat Ġenerali biex jippreżenta kull dokument fir-rekords tal-inkjesta dwar Muscat lill-Qorti, u qal li ma jistax jasal għal konklużjoni b’mod preċiż mingħajr ma jarahom. L-Imħallef ta din id-deċiżjoni f’każ li Muscat ressaq u fejn allega li d-drittijiet tiegħu nkisru billi ħalla Maġistrat partikolari tinvestigah.

“Id-dokumenti tal-inkjesta għandhom jinżammu mill-Qorti u jkunu disponibbli biss għall-partijiet fil-każ, qal l-imħallef. Jekk l-Avukat tal-Istat ikollu l-ħsieb li jappella dik id-deċiżjoni, għandu erbat ijiem biss biex jagħmel dan, hekk kif l-Imħallef naqqas il-limitu tas-soltu ta’ 10 ijiem biex jiżgura li l-avukati ta’ Muscat jirċievu d-dokumenti qabel tibda kawża kriminali li tkun ibbażata fuqhom”, qalet il-Qorti.

Akkużi kriminali tressqu kontra Muscat u mal-20 persuna oħra nhar it-Tnejn. Hawn qed jiġi allegat li Muscat irċieva tixħim u nnegozja biex jinfluwenza b’rabta mal-ftehim ta’ privatizzazzjoni ma’ Vitals Global Healthcare, aktar tard Steward Healthcare. Fuq rasu għandu wkoll każ ta’ frodi ta’ €30 miljun.

Joseph Muscat ma kienx preżenti fil-Qorti għas-sessjoni tal-Ħamis iżda peress li l-każ ma kienx jikkonċerna dawk l-akkużi kriminali, ma kienx meħtieġ li jattendi. Minflok, is-sessjoni tal-Ħamis kienet tikkonċerna t-tentattiv ta’ Muscat li jwaqqaf l-investigazzjoni li wasslet għal dawk l-akkużi. Immexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella, liema inkjesta tlestiet 10 ijiem ilu.

Madankollu, l-għan legali usa’ ta’ Muscat – dak li jikkonvinċi lill-Qorti li d-drittijiet tiegħu nkisru mill-Maġistrat Vella li qed tinvestigah, se jkompli. L-Imħallef Grixti qal li l-avukati ta’ Muscat se jkunu jistgħu jippreżentaw ix-xhieda tagħhom mis-seduta li jmiss, ladarba jkunu rċevew id-dokumenti tal-inkjesta li għandhom x’jaqsmu miegħu.

Muscat ilu sena għaddej bil-battalja legali kontra l-Maġistrat Vella, fejn qed jallega li hi preġudikata u parti minn “vendetta” politika. L-avukati Vincent Galea u Charlon Gouder irrappreżentaw lil Muscat. L-Avukat tal-Istat kien rappreżentat minn James D’Agostino u Isaac Zammit.

“Tal-mistħija li Robert Abela jippermetti u jagħmel minn kollox biex Joseph Muscat jevadi l-ġustizzja”
F’reazzjoni għas-sentenza, il-President Onorarju tal-NGO Repubblika, Robert Aquilina, ikkritika bil-qawwa kollha dak li qal li l-Prim Ministru qed iħalli lilu nnifsu jintuża mill-avukati ta’ Muscat biex idgħajjef il-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali u tal-Avukat tal-Istat u jħalli lil Muscat jara l-evidenza miġbura kontrih qabel ma jaffaċċja akkużi kriminali fil-Qorti.

“Issa kulħadd jista’ jara b’għajnejh min tassew qed jaħdem kontra l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi! Huwa tal-mistħija li tara lil Robert Abela jippermetti tentattivi biex persuni jevadu l-ġustizzja persuni li ġew indikati minn inkjesta kriminali għall-prosekuzzjoni fuq akkużi kriminali serji ħafna.”

Intant, il-Qorti ddeċidiet li Muscat jingħata aċċess għall-Inkjesta Vitals – b’referenza għall-partijiet fejn jissemma’ hu.