Lokali Qorti

Maġistrat tagħmel spezzjoni fil-binja tas-Siġġiewi fejn 99 votant ġew reġistrati minkejja li ma jabitawx hemm

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wettqet spezzjoni fuq il-blokk tad-djar soċjali fis-Siġġiewi fejn ġew reġistrati 99 votant minkejja li ma joqogħdux hemmhekk. Il-maġistrat qed tisma’ diversi kawżi mressqa quddiem il-Qorti mill-Partit Nazzjonalista ta’ persuni li l-karti tal-identità tagħhom ġew trasferiti fil-proprjetà tal-housing soċjali mill-gvern minkejja li l-bini ma kienx abitabbli.

Il-Maġistrat kienet semgħet l-kawżi li jinvolvu ħamsa min-nies – l-Erbgħa waranofsinhar meta ddeċidiet li tagħmel żjara fuq il-post biex tara hi stess l-istat tal-appartamenti. Fuq il-post kien hemm ukoll id-Deputat tal-PN Karol Aquilina u s-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino li qed jirrappreżentaw lill-PN fil-każ.

Il-kawżi tal-qorti ġew istitwiti mhux biex jitneħħa l-vot ta’ dawn id-99 persuna, imma biex dawn jivvutaw fil-lokalità fejn għadhom joqgħodu sal-lum. Fil-fatt dawk li xhedu sa issa fil-Qorti kollha qalu li ħadd minnhom ma jgħix fil-binja Silvio Parnis fis-Siġġiewi. Il-kawżi qed jinstemgħu minn diversi Maġistrati b’rabta ma’ dan il-każ.

Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta r-rikorsi minħabba li għal raġuni magħrufa – l-votanti ġew trasferiti fil-blokk tad-djar ġimgħat biss qabel l-elezzjonijiet lokali meta lanqas biss jgħixu hemmhekk. Il-Partit Laburista kien rebaħ l-aħħar elezzjoni tal-kunsill tas-Siġġiewi b’70 vot, u dan għall-ewwel darba ħames snin ilu u qed jipprova jżomm il-kontroll. tal-kunsill wara li daħlitlu nformazzjoni li hemm ċans tajjeb li l-Kunsill jerġa’ jirritorna f’idejn il-PN.