Lokali Qorti

Mhux ħati li stupra mara f’parkeġġ f’Ħal Far

Francis Zahra ta’ 53 sena minn Birżebbuġa, ma nstabx ħati li stupra mara barranija f’parkeġġ f’Ħal Far, iżda ngħata sentenza sospiża wara li ammetta li offenda l-pudur b’għemil li sar fil-pubbliku meta kellu relazzjoni sesswali f’parkeġġ.

Il-Maġistrat Astrid May Grima semgħet lill-prosekuzzjoni tgħid li fl-4 ta’ Marzu tal-2017, f’Ħal Far, stupra u ħebb għal mara. Madankollu huwa ma nstabx ħati ta’ dawn l-akkużi wara li mit-testijiet mediċi ħareġ li l-mara ma kellha ebda sinjali ta’ vjolenza u li l-istupru ma ġiex ippruvat.

Ir-raġel kien mixli li wettaq dan ir-reat f’xi ħin bejn it-3am u l-11am. Minbarra li wettaq l-istupru, huwa kien akkużat wkoll li ħebb għaliha u kkaġunalha ferita ħafifa u li offenda l-pudur jew il-morali b’għemil żieni f’post pubbliku.

It-tfajla allegat mal-Pulizija li wara li kienu qed jixorbu f’ħanut tax-xorb, huwa offrielha li jwassalha d-dar imma spiċċa ħadha Ħal Far. Fil-Qorti nstemgħet ix-xhieda tal-Pulizija, li qalu li huma ġew infurmati li kien seħħ stupru fuq mara barranija.

Instema’ kif il-mara kienet għamlet lejl tixrob l-alkoħol f’każin f’Birżebbuġa u meta ġiet biex titlaq, talbet lill-akkużat biex iwassalha. Il-mara qalet li beda jeħodha postijiet differenti u raqdet fil-karozza. Tenniet li x’ħin qamet sabitu jkollu x’jaqsam magħha sesswalment.

Il-Pulizija spjegat li min-naħa tiegħu, ir-raġel kien mar l-għassa jirrapporta li mara kienet għamlitlu ħsara fil-karozza meta bdiet tkisser u tagħti bis-sieq fuq il-karozza tiegħu. Zahra kien qal lill-Pulizija li beda jistaqsiha fejn toqgħod u ma bdietx tkellmu u ddeċieda li jmur lejn il-Port Ħieles u waqaf fil-parkeġġ u wara mar Ħal Far u waqaf jixtri ħobża u flixkun ilma. Wara mar fl-għalqa u stenna xi erba’ sigħat għax kienet mitlufa minn sensiha u ma bdietx twieġbu.

Qal li meta ġiet f’sensiha kellhom x’jaqsmu flimkien. Ammetta li kellhom relazzjoni sesswali iżda qal li kienet bil-kunsens tagħha. Qal li x’ħin ħarġet mill-karozza hu ċempel lill-Pulizija. Il-mara tat verżjoni differenti u qalet li x’ħin indunat li ġiet stuprata ġiet isterika u bdiet tagħti bl-addoċċ.

Qalet li għamlet minn kollox biex timbuttah iżda beda jżommha. Saħqet li kienet miżżewġa u żewġha kien xogħol ta’ bil-lejl u ħarġet tixrob biex tiċċelebra għax sabet impjieg ġdid. Il-barman tal-ħanut tax-xorb xehed li kif hu għalaq il-bar riedet tmur miegħu iżda ma ridhiex u qabdet u daħlet fil-karozza tal-akkużat.

Saħaq li kien sema’ x’ġara iżda ma setax jemmen. Qal li wara li żżewġet, il-mara kienet kuljum tmur il-bar tixrob sa filgħodu u żewġha kien jibgħatlu messaġġi u jistaqsi fejn hi martu u x’qed jiġri. Qal li filgħodu kien ikollha xi tgħid ma’ żewġha u kienet tmur għandu bil-bagajla biex toqgħod miegħu.

Xehed li dakinhar kienet fis-sakra u bdiet tkisser it-tazzi. Il-Qorti semgħet ukoll kif fit-testijiet mediċi, li saru minn gyne, ma sab ebda tbenġil jew sinjal ta’ trawma u meta eżaminaha sab kollox normali. Il-Qorti kkunsidrat li kienet xorbot ħafna u li kellha xi tgħid ma’ xi nies tant li l-barman kien keċċiha iżda kienet marret lura.

Il-Qorti qalet ukoll li mit-testijiet tal-gyne, ma kien hemm ebda sinjal ta’ vjolenza iżda rriżulta li kien hemm l-att sesswali. L-imputat kien ammetta li kellhom relazzjoni sesswali u li kien kollox konsenswali u wara li lestew qaltlu li ma riditx tmur id-dar.

Wara li qieset it-testijiet mediċi, il-Qorti ma sabitx lill-akkużat ħati ta’ stupru għax qalet li dan ma ġiex ippruvat. Hija sabitu ħati li offenda l-pudur b’għemil li sar fil-pubbliku wara li ammetta għall-akkuża u tagħtu tliet xhur ħabs sospiżi għal sena u mmultatu €500.