Lokali

Mixja ta’ protesta organizzata minn ‘Flimkien għal Ambjent Aħjar’ u ‘Sliema Residents Association’

Flimkien għal Ambjent Aħjar u l-Għaqda Residenti Sliema qed jorganizzaw mixja ta’ protesta mill-promenade tal-Gżira sal-belvedere tal-Fortina bl-appoġġ ta’ gruppi oħra ta’ residenti, nhar is-Sibt 11 ta’ Mejju fil-5pm.

Il-protesta tibda mil-lido tal-Gżira biex jintwera kif din l-istruttura flimkien mal-gabbani u t-33 ticket booth kollha tul il-promenade, qed jimblukkaw u jnaqqsu t-tgawdija mill-pubbliku tal-veduti tal-fortifikazzjonijiet tal-Wirt Dinji tal-Belt Valletta. Imbagħad jgħaddu mill-‘mini’ maħluqa mis-serbut twil t’enclosures li qed joħolqu tant problemi u jagħmlu l-aċċess għan-nies bil-pushchairs diffiċli, u aktar u aktar għal dawk fil-wheelchairs.

Fl-istqarrija huma qalu li qed jiġu okkupati spazji pubbliċi prezzjużi, filwaqt li z-zoni tal-logħob miftuħ għat-tfal dejjem jonqsu. Il-konġestjoni, il-mużika li tibqa’ għaddejja sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu, l-istorbju ta’ persuni fis-sakra assoċjati maż-żieda mhux regolata fl-invażjoni kummerċjali, qed jimminaw il-kwalità tal-ħajja tar-residenti mhux biss f’Tas-Sliema iżda madwar Malta kollha, speċjalment f’postijiet bħall-Belt Valletta, Wied il-Għajn, Marsaxlokk, il-Gżira, San Ġiljan, Buġibba, il-Mellieħa, Victoria, Marsalforn u x-Xlendi.

Barra minn hekk, l-imblukkar tal-aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza huwa ta’ tħassib dejjem akbar minħabba inċidenti ripetuti ta’ ambulanzi u magni tat-tifi tan-nar li ma jkunux jistgħu jilħqu nies fil-bżonn fil-ħin.