Lokali Qorti

Mixli li fera lill-eks sieħba tiegħu b’sikkina

Raġel ta’ 52 sena minn Ħal Kirkop ġie mixli quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech li ħebb u kkawża ġrieħi gravi fuq l-eks sieħba tiegħu. Isem ir-ragel ma jistax jixxandar fuq il-mezzi tax-xandir fuq ordni tal-Qorti.

L-Ispettur Christian Cauchi qal li fid-9 ta’ April, il-Pulizija skortaw persuna mill-klinika tal-Floriana sat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika wara li l-allegata il-vittma marret ghall-osservazzjoni meta l-eks sieħeb tagħha allegatament ħebb u feriha b’sikkina.

Mal-Pulizija, il-vittma qalet li hi u l-akkużat kienu ilhom disa’ snin f’relazzjoni. Qalet ukoll li f’Jannar li għadda temmew ir-relazzjoni tagħhom u dakinhar tal-allegat reat, hi kienet iltagħqet mal-akkużat wara li kellu jagħtiha xi flus.

Fuq il-post l-akkużat beda jgħidilha biex titla’ miegħu fit-trakk u meta rrifjutat, niżel, ħareġ sikkina u beda jxejjirha u laqatha f’idha. Meta l-Pulizija arrestat lill-akkużat, hu beda jibki u qal li ddispjaċih ta’ dak li kien għamel.

Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih bid-difiża titlob għal ħelsien mill-arrest fejn qalet li l-akkużat għandu problemi mentali u jeħtieġ l-għajnuna fl-isptar Monte Carmeli. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha u qalet li l-vittma għad trid tixhed u għaldaqstant hemm il-biża’ tal-kontaminazzjini tal-provi.

Il-Magistrat Grech ċaħad it-talba għal ħelsien mill-arrest iżda laqa’ t-talba tal-Prosekuzjzjoni għal ordni ta’ protezzjoni fuq il-mara. Il-Qorti infurmat lid-Direttur tal-ħabs biex l-akkużat jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-isptar Monte Carmeli minħabba li jeħtieg il-kura għas-saħħa mentali tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi flimkien mal-Avukat Jurgen Dalli f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Generali. Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.