Lokali Qorti

Mixli b’importazzjoni ta’ 143 kapsola raża tal-cannabis fl-istonku tiegħu

Marokkin ta’ 35 sena ċaħad l-akkużi fil-Qorti dwar importazzjoni ta’ numru ta’ kapsoli bir-raża tal-cannabis li nstabu fl-istonku tiegħu. L-Ispettur Mark Anthony Mercieca qal fil-Qorti li Farhat Said wasal Malta fuq titjira minn Geneva fis-7 ta’ Mejju.

Tenna li meta l-uffiċjali tad-Dwana flimkien mal-Pulizija għamlu tfittxija fuq il-passiggieri kif issir minn żmien għal żmien. Hawn l-akkużat beda jaġixxi b’mod suspettuż filwaqt li naqas milli jwieġeb d-domandi b’mod sodisfaċenti tal-Pulizija.

Wara lill-akkuzat saritlu tfittxija personali u ttieħed ukoll l-isptar Mater Dei għal scan, fejn irriżulta li kien qed iġorr 143 kapsola raża tal-cannabis fl-istonku tieghu. L-avukat difensur tal-għajnuna legali qal li f’dan l-istadju ma kienx qed jitlob għall-ħelsien mill-arrest, bl-akkużat jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni talbet ordni ta’ qbid u ffriżar tal-flejjes u l-proprjetà kollha tar-raġel, liema talba ġiet milqugħa mill-Maġistrat Jean Paul Grech. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca. Għall-akkużat deher l-avukat tal-għajnuna legali Adriano Spiteri.