Lokali

Robert Abela jinjora l-kundanni: 48 siegħa wara, u Fearne għadu hemm

48 siegħa wara li fil-midja ġew irrapportati l-akkużi li għandhom fil-konfront tagħhom id-Deputat Prim Minsitru Chris Fearne u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna, Robert Abela ma jridx iwieġeb dwarhom. Agħar minn hekk, ma ħax passi fil-konfront tagħhom.

Il-Ħamis filgħodu l-pajjiż sebaħ bl-aħbar li ebda persuna mhi terfa’ l-iċken responsabbiltà politika minkejja l-akkużi serji dwar is-serqa tal-isptarijiet – persuni li jinkludu membru attwali fil-Kabinett, Segretarju Permanenti attwali u uffiċjali għolja tal-Gvern.

Net News staqsa lill-Prim Ministru jekk Chris Fearne ppreżentax ir-riżenja tiegħu, iżda Abela kien determinat li ma jweġibx dwar din il-kwistjoni taħraq. Għal darb’oħra wera li jrid jixħet kollox taħt it-tapit.

Mistoqsi dwar it-tħassib serju min-naħa tal-Korpi Kostitwiti fosthom l-MEA, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tal-SMEs, Abela ma tantx deher li hu inkwetat fuq l-inkwiet ġenwin tagħhom.

Bidla ta’ xejn minkejja l-appelli tal-NGOs u diversi għaqdiet oħrajn. Apparti l-200 akkademiku mill-Università ta’ Malta li fl-aħħar sigħat qalu li jinsabu inkwetanti ferm bl-attakki fuq il-Maġistrat Gabriella Vella u l-ġudikatura. Tant li kkundannaw in-narrattiva li qed jimxi biha l-Prim Ministru u saħqu li biex verament toħroġ il-verità, l-istituzzjonijiet – inkluż il-ġudikatura – għandhom jaħdmu mingħajr intimidazzjoni.

Appelli li waslu wkoll saħansitra mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono li wissiet sabiex il-Qrati u l-ġudikatura jitħallew jaħdmu f’serenità b’Abela jisħaq li hu tkellem fuq il-Maġistrat u mhux il-Qrati.

Robert Abela jibqa’ jaħrab milli jwieġeb ċar u tond u jissokta jiżvaluta l-ħidma tal-Maġistrat Gabriella Vella, u jinsisti li t-timing tagħha tal-għeluq tal-inkjesta kien wieħed ċar u jitkellem waħdu.