Elezzjonijiet 2024 Internazzjonali Lokali

Roberta Metsola tfakkar Jum l-Ewropa bi żjara f’Kyiv

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qed tfakkar Jum l-Ewropa bi żjara fil-kapitali Ukrena Kyiv. Dan il-pajjiż ilu aktar minn 800 ġurnata assedjat mill-qawwiet Russi wara l-invażjoni illegali li nedew fi Frar tal-2022.

F’kumment fuq il-media soċjali mal-wasla tagħha, Metsola qalet li żaret “l-art ta’ nies kuraġġużi.”

Metsola s’issa żaret numru ta’ siti bbumbardjati, fosthom power station li nqerdet minn diversi missili u ċentru kulturali taż-żgħażagħ li ntlaqat fiċ-ċentru ta’ Kyiv.

Iċċelebrat fid-9 ta’ Mejju, Jum l-Ewropa jfakkar id-Dikjarazzjoni Schuman tal-1950, fejn il-mexxejja Ewropej qablu li jingħaqdu għall-paċi, ftit wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Metsola tinsab akkumpanjata fi Kyiv minn Ruslan Stefanchuk, iċ-Chairman tal-Verkhovna Rada, il-Parlament Ukren.

Aktar dettalji dwar din iż-żjara fil-ħin li ġej.