Elezzjonijiet 2024 Lokali

Abela jżomm pajjiż sħiħ fil-għama dwar min se jieħu post id-Deputat Prim Ministru

Il-kampanja elettorali tal-Prim Ministru Robert Abela għadha dominata mill-kriżi li daħal fiha l-Gvern, wara li rriżenjalu d-Deputat Prim Ministru; l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna li kellna riżenja ta’ din ix-xorta minħabba akkużi kriminali.

Sa issa, il-poplu kollu għadu qed jistaqsi minn se jitpoġġa’ fil-kariga ta’ Deputat Prim Ministru, u Ministru għall-Fondi Ewropej. U fuq kollox min se jkun qed jiġi nnominat għal Kummisarju Ewropej.

Waqt diskors f’Santa Venera, il-Prim Ministru kompla jattakka l-ġudikatura u tenna li dawn il-ġrajjiet kollha li qed nesperjenzaw bħalissa qed jinfluwenzaw il-vot tat-8 ta’ Ġunju – attakki li issoktaw, minkejja it-twissija li tat il-President ta’ Malta, minkejja il-protesta paċifika li għamlu l-istudenti universarji u minkejja s-sejħa li saret minn diversi korpi kostitwiti.

Ma naqasx ukoll id-diskors ta’ Abela dwar is-suppost establishment, bil-Prim Ministru jispiċċa jitkellem dwar kastigi u inġustizzji – diskors negattiv li kompla jiddomina din il-kampanja elettorali minn naħa tal-Labour.