“Chris Fearne mhux talli rriżenja talli bil-mossa tiegħu sfiduċja lil Robert Abela.”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività politika li saret fiż-Żebbuġ Għawdex bit-tema ‘Għalik’.
Bernard Grech qal li Robert Abela għandu biss interess partiġġjan u sostna li l-poplu jrid Gvern li se jpoġġih l-ewwel u qabel kollox…li se jaħdem fl-interess tiegħu biss. Huwa fakkar li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem fl-interess tal-poplu sabiex ikollhom pajjiż aħjar.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li Gvern Laburista seraq lill-pajjiżna meta kompla japprova l-miljun lil Vitals u Steward. Huwa saħaq li hemm koalizzjoni mal-Partit Nazzjonalista li ma jistgħux jaċċettaw aktar l-aġir ta’ Robert Abela.
Bernard Grech għal darb’oħra appella li huwa inaċċettabbli li Robert Abela kontinwament qed jattakka lill-ġudikatura – appell li twassal ukoll minn numru ta’ għaqdiet fl-aħħar jiem.
Huwa qal li minkejja li l-Partit Nazzjonalista provda numru ta’ soluzzjonijiet sabiex tkun indirizzata l-pjaga tal-għoli tal-ħajja fosthom li l-COLA ma tkunx intaxxata iżda Robert Abela kompla jkaxkar saqajh mal-poplu kollu. Bernard Grech fakkar ukoll li s-settur tas-saħħa jinsab għarkubbtejh bi sptar li ma jiflaħx għall-isplużjoni fil-popolazzjoni. Huwa sostna li Robert Abela abbanduna lill-poplu għaliex Robert Abela huwa mifxul bil-problemi interni kbar li għandu fi ħdan il-Partit Laburista.
Bernard Grech qal li l-Gvern ta’ Robert Abela abbanduna lil Għawdex b’problemi kbar fejn tidħol il-konnettività kif ukoll il-fatt li Għawdex baqa’ mingħajr sptar ġdid.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Chris Fearne rriżenja għaliex kien qed jagħmel ħsara kbira lill-pajjiżna dan filwaqt li l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna għadu qed jagħmel ħsara kbira hekk kif għadu qed jokkupa l-kariga tiegħu. Hawnhekk Bernard Grech sostna li bir-riżenja tiegħu sfiduċja lil Robert Abela.
Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħmel il-pressjoni għaliex it-triq ‘il quddiem ma tistax tkun taħt Gvern Laburista – taħt Gvern li huwa mifni bl-iskandli. Huwa saħaq li min joħloq dawn il-problemi qatt ma jista’ jkun s-soluzzjoni.
Intant, lejn tmiem id-diskors tiegħu ħeġġeġ lill-poplu sabiex jattendi għall-protesta ta’ nhar it-Tnejn li ġej.
//= $special ?>