Lokali

“Dan huwa proċess irriversibbli li għandu jsir, u Robert Abela jagħmel ħażin li jipprova jwaqqfu” – Bernard Grech

Quddiem l-aħħar żviluppi fid-dawl tar-riżenja ta’ Chris Fearne, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sejjaħ lil Robert Abela sabiex ma jwaqqafx il-proċess milli jseħħ, proċess meqjus bħala wieħed irriversibbli.

Madanakollu, Robert Abela qed jibqa’ jwebbes rasu u għażel li ma jaċċettahiex l-ittra ta’ riżenja ppreżentata lilu bħala Prim Ministru.

Bernard Grech qal li l-pass ta’ Fearne “huwa prova ta’ kemm Robert Abela huwa mhedi biss biex isalva ġildu.”

Issa, Bernard Grech qal li Robert Abela għandu obbligu li jneħħi lil Edward Scicluna minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali u fin-nuqqas ta’ dan, Edward Scicluna għandu jitlaq minn jeddu. Robert Abela għandu obbligu li jneħħi lil Ronald Mizzi minn Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, u fin-nuqqas ta’ dan għandu wkoll jitlaq minn jeddu. Kull min hu akkużat f’dan il-każ u jokkupa kwalunkwe kariga pubblika għandu jirriżenja jew jitneħħa.

Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech f’indirizz lin-nazzjon:

“Edward Scicluna għandu jirriżenja. Ronald Mizzi għandu jirriżenja. U jekk dawn ma jirriżenjawx, il-Prim Ministru Robert Abela għandu minnufih jara li jkeċċihom. U għandu wkoll minnufih jaċċetta r-riżenja ta’ Chris Fearne minn Viċi Prim Ministru u minn Ministru wkoll.”

“Pajjiżna qed jerġa’ jsejħilna. Nhar it-Tnejn għandek tkun fis-6 pm quddiem il-Parlament għaliex jidher ċar illi Robert Abela forsi jisma'”