Lokali

Espress inkwiet serju quddiem din is-sitwazzjoni f’pajjiżna

Erba’ assoċjazzjoni fis-servizzi finanzjarji esprimew inkwiet serju quddiem din is-sitwazzjoni politika diffiċli li pajjiżna spiċċa fiha.

The Institute of Financial Services Practitioners, the Malta Institute of Accountants, the Malta Institute of Taxation u The Society of Trusts & Estate Practitioners ħarġu stqarrija jisħqu li l-attakki li saru fuq membri tal-ġudikatura u kontra x-xogħol tagħhom huwa “inaċċettabli” f’soċjetà li suppost hi waħda demokratika.

Huma fakkru li kull ħsara li tista’ ssir lir-reputazzjoni finanzjarja ta’ pajjiżna tfisser biss li se tkun qed taffetwa negattivament lil kull settur f’pajjiżna, bi ħsara irriperabbli.

Kien fid-dawl ta’ dan illi appellaw biex minnufih dawk kollha konċernati jaħdmu b’mod responsabbli u b’integrità filwaqt li jiftakru fil-prinċipji ta’ rule of law, governanzja tajba u rispett sħiħ lejn il-ġudikatura u l-kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Din l-istqarrija toħroġ ukoll fid-dawl tal-aħħar żviluppi b’rabta mal-Inkjesta Vitals. Żviluppi li wasslu biex il-Ministru tas-Saħħa u Deputat Prim Ministru jgħati l-ittra tar-riżenja lill-Prim Ministru Robert Abela. B’Abela jwieġeb lura li mhux se jkun qed jaċċettaha u talab lil Fearne biex jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu.