Internazzjonali

Eurovision: Tkompli l-ħolma tal-kantanta Iżraeljana fost il-pressjoni ‘biex titlaq’

Il-kantanta Eden Golan, li qed tirrappreżenta lil Iżrael fil- Eurovision, fil-lejl tal-Ħamis, għaddiet għall-finali tal-avveniment li se ssir il-lejla f’Malmo, fl-Iżvezja. 

B’hekk Golan qed tkompli bl-avventura wara daqstant pressjoni biex hi ma titħalliex tieħu sehem fil-konkors b’konsegwenza tal-gwerra li qed tinfirex fil-Lvant Nofsani.

Fil-fatt, il-vot tal-pubbliku kien wieħed ta’ appoġġ għall-kantanta, sigħat wara li eluf  ta’ dimostranti favur il-Palestinjani kienu nġabru fit-toroq ta’ Malmo biex juru appoġġ  lin-nies ta’ Gaza.

Il-kantanta ta’ 20 sena, waqt il-provi tal-Erbgħa, spiċċat mira għall-ibbuwjar tan-nies u – fis-semi-finali tal-Ħamis – ir-reazzjoni kienet imħallta, fejn spikka wkoll livell ta’ applawż għall-interpretazzjoni tagħha.

Eden Golan, fl-aħħar kummenti, qalet li tħossha kburija li ‘tista’ twassal il-vuċi ta’ Iżrael anki fil-finali’ tal-konkors, li hu fost l-aktar avvenimenti tal-Eurovision li qatt spiċċaw karatterizzati bil-kontroversji u t-tensjoni.