Lokali Qorti

Għal darba oħra konfermata sentenza ta’ disa’ snin ħabs fuq stupru

Sentenza ta’ disa’ snin ħabs fuq stupru kienet konfermata mill-Maġistra Claire Stafrace Zammit fil-konfront ta’ raġel mill-Eritrea wara li nstab ħati li stupra mara f’parkeġġ ta’ diskoteka f’Paceville. Huwa nstab ħati wkoll li żammha kontra l-volonta tagħha u darabha ħafif.

Eyob Melake Ecobagaber kien ukoll instab ħati qabel u kkundannat disa’ snin ħabs u multa ta’ €3,900. Madankollu huwa kien appella għax kien hemm nieqsa d-data li fiha kienet ingħatat is-sentenza u fi Frar li għadda l-Qorti tal-Appell kienet ordnat biex terġa’ tingħata s-sentenza fil-konfront tiegħu.

Il-każ kien beda jiġi investigat mill-Pulizija wara li sabu lill-vittma tibki fil-parkeġġ ta’ dik li kienet id-diskoteka Axis fil-lejl tat-23 ta’ Mejju. Hija qalet lill-pulizija li kienet ġiet stuprata mill-akkużat u li kienet gidmitu f’wiċċu biex tiddefendi lilha nnifisha. Hu kien ġie arrestat wara li twaqqaf minn persuni li nzertaw fl-inħawi.

It-tfajla kienet qalet li kollox beda meta kienet ma’ ħabiba tagħha u ħarġet tpejjep sigarett. Qalet li kien avviċinaha raġel Franċiż u dan baqa’ miexi magħha sakemm sejjaħ lill-akkużat. Kien hawn li ħataf lil mara, stupraha fuq bonnet ta’ karozza. Qalet li r-raġel l-ieħor stupraha mal-art ukoll.

Test mediku kkonferma li l-mara ġiet stuprata u ġarrbet bosta ġrieħi kawża tal-attakk vjolenti. It-tfajla kienet qalet li rnexxielha taħrab wara li gidmitu u tatu daqqa bit-takkuna taż-żarbun. Espert tad-DNA mqabbad mill-qorti sab traċċi tad-DNA tal-akkużat fuq il-ħwejjeġ ta’ taħt tal-vittma.

Il-Qorti qalet li m’għandhiex dubju li xi tip ta’ penetrazzjoni mill-imputat seħħet. Qalet li veru l-vittma ssemmi persuna oħra iżda din baqgħet qatt ma nstabet. Innotat li l-vittma ssemmi liż-żewġ persuni li stuprawha. Qalet li hi konvinta mix-xhieda tal-vittma minħabba li kienet kredibbli.

Irreferiet kemm għal filmat li juri ż-żewġt irġiel ta’ karnaġġjon differenti msemmija jsegwuha u t-testijiet mediċi li juru li ġiet stuprata. Sostniet ukoll il-fatt li ġiet miżmuma waqt li kienet qed tiġi stuprata u għalhekk sabitu ħati li żammha kontra l-volonta tagħha. Il-Qorti ordnatlu ukoll jħallas €4,000 fi spejjeż tal-Qorti.