Lokali

Il-PN id f’id mal-imsieħba soċjali biex insolvu l-instabbiltà li ġab Robert Abela

L-aġir ta’ Robert Abela, fejn qed jaġixxi biss bħala l-Mexxej tal-Partit Laburista u mhux bħala Prim Ministru li suppost qed jirrappreżenta lill-poplu Malti u mhux l-interessi partiġjani, hu perikoluż u qed joħloq kaos, inċertezza ekonomika u instabbiltà.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Ministers Ivan Castillo, Robert Cutajar u Jerome Caruana Cilia.

L-istess sentiment kien esperess  mir-rappreżentanti  tan-negozji ż-żgħar u medji f’pajjiżna, li kkundannaw l-aġir ta’ Robert Abela. Huma enfasizzaw li, fost numru ta’ perikli, dan l-aġir perikoluż qed ikollu riskji serji fuq l-istabbiltà ekonomika ta’ pajjiżna.

L-azzjonijiet u l-kummenti irresponsabbli ta’ Robert Abela qed juru biċ-ċar li l-Gvern immexxi minnu għadu ma jridx jitgħallem mill-konsegwenzi li bata minnhom pajjiżna sforz ta’ governanza ħażina u t-tkissir tas-saltna tad-dritt, primarjament is-sidien tan-negozji żgħar u medji, meta pajjiżna spiċċa daħal fil-lista l-griża. Ir-riskji li pajjiżna jerġa’ jgħaddi mill-istess kalvarju qed narawhom iseħħu ta’ kuljum u kaġun għal dan kollu jibqa’ biss Robert Abela u l-Gvern tiegħu.

Filwaqt li jifhem dan it-tħassib, il-Partit Nazzjonalista talab laqgħa urġenti mal-MCESD u l-membri tiegħu biex ikun jista’ jindirizza t-tħassib u l-isfidi tal-imsieħba soċjali.

Għall-Partit Nazzjonalista, l-interess nazzjonali jibqa’ prijorità ewlenija.