Internazzjonali

Iżrael: ‘Xejn mhu se jwaqqfu milli jegħleb lill-Ħamas’…lanqas in-nuqqas tal-alleati

                                                               

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, insista li Iżrael jista’ ikompli jiġġieled ‘waħdu’ lill-Ħamas u sakemm jirnexxilu jelimina t-theddida tat-terroriżmu minn Gaza għan-nies tiegħu.

Netanyahu qal dan bi sfida għall-Istati Uniti wara li Washington wissa li għandu jwaqqaf il-kunsinni tal-armi lil Iżrael f’każ li l-Gvern Iżraeljan jagħti direttiva ċara għal offensiva kbira u totali fuq Rafah…il-belt fin-Nofsinar ta’ Gaza fejn bħalissa hemm mal-1.5 miljun refuġjat tal-gwerra.

Fl-aħħar sigħat kompla l-eżodu tal-Palestinjani minn Rafah fejn it-truppi Iżraeljani kienu għaddejjin bl-azzjonijiet militari fl-inħawi. U waqt li l-azzjonijiet kienu għadhom fuq skala limitata, il-President Amerikan Joe Biden kompla jwissi li l-Iżraeljani jkunu qabżu ‘il-linja l-ħamra’ f’każ li huma jżidu l-attakki fuq dik il-belt prinċipali.

Intant, Netanyahu qed jinjora t-twissijiet fost l-insistenza li Iżrael mhux se jżomm lura f’din il-kampanja militari sakemm jilħaq it-tragwardi kruċjali.

‘Ili ngħid li Iżrael għandu jkompli jirreżisti lit-terrur tal-Ħamas minn Gaza taħt kwalunkwe ċirkustanzi u anki mingħajr il-preżenza u l-appoġġ tal-Alleati’, enfasizza Netanyahu.

Iżda minkejja dawn il-kummenti, il-Gvern tiegħu jinsab taħt pressjoni, bl-Istati Uniti għadha determinata għal azzjoni li għandha trażżan l-istrateġiji militari ta’ Iżrael…Strateġiji li kapaċi jissarrfu f’katastrofi umana storika qalb iz-zoni ta’ Rafah.

L-Amerikani diġà sospendew it-trasport tal-bombi ta’ kalibru kbir lill-Armata Iżraeljana minħabba l-inkwiet li dawn jikkaġunaw aktar imwiet ċivili – bil-President Biden jgħid li l-intransiġenza ta’ Iżrael, f’din is-sitwazzjoni, kapaċi tħallih nieqes anki mil-balal tal-artillerija u armi oħrajn…Materjal tal-gwerra li l-Istati Uniti lha żmien tipprovdi lill-Iżraeljani.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Yoav Gallant, warrab għat-twissijiet tal-Istati Uniti bil-messaġġ li ‘il-ħbieb u-għedewwa ta’ Iżrael għandhom jifhmu li pajjiżu qatt mhu se jispiċċa f’sitwazzjoni fejn ikun ikkontrollat minn pajjiż ieħor u b’mod li jmur kontra l-interessi tas-sigurtà’.