Lokali

JoEtienne Abela jibqa’ jinħeba wara kliem il-Prim Ministru

Il-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela jinħeba wara kliem il-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li baqa’ jiddefendi l-aġir tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne – li ismu wkoll spiċċa implikat fl-Inkjesta Vitals.

Il-Ħamis filgħodu, JoEtienne Abela għażel li jinsisti li jżomm ma’ dak li qal il-Mexxej Laburista fir-rigward tal-akkużi ta’ fordi li għandu mdendlin fuq rasu Chris Fearne, b’JoEtienne Abela jistqarr li huwa jaqbel ma’ dak li qal Robert Abela, ċioè li se jiddefendi bis-saħħa kollha lid-Deputat Prim Ministru.

Iffaċċjat bid-domandi ta’ Net News wara li fl-aħħar jiem tħabbar il-falliment ta’ Steward Healthcare, il-Ministru tas-Saħħa baqa’ jevita li jwieġeb b’mod dirett rigward din is-saga.

Il-Ministru tas-saħħa saħaq li l-Gvern li jagħmel parti minnu hu, qed itejjeb is-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin, żda ma qal xejn meta ġie mistoqsi minn Net News jekk dan it-titjib ifissirx li tonfoq il-miljuni ta’ ewro f’kumpanija li ma kellha l-ebda għarfien fil-qasam mediku – kumpanija li issa mhux biss falluta imma anke involuta fl-akbar każ ta’ frodi li qatt ra pajjiżna.

JoEtienne Abela insista li dan il-Gvern qed itejjeb is-servizzi mediċi bil-viżjoni tiegħu; viżjoni li wasslet għall-akbar skandlu fl-istorja ta’ Malta – il-bejgħ ta’ tliet sptarijiet b’kuntratt frawdolenti, pazjenti jistennew sigħat sħaħ fl-emerġenza għaliex l-infrastruttura tal-Isptar Mater Dei mhux tiflaħ għall-isplużjoni fil-popolazzjoni u Eks Prim Ministru u Eks Mexxej Laburista akkużat bi frodi, ħasil ta’ flus u misapproprjazzjoni ma’ numru ta’ esponenti Laburisti oħra, fosthom id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.