Lokali Qorti

Joseph Muscat u sħabu se jidhru l-Qorti nhar it-Tlieta 28 ta’ Mejju

Il-Maġistrat Rachel Montebello se tibda tisma’ l-każ ta’ Joseph Muscat u diversi persuni oħra nhar it-Tlieta, 28 ta’ Mejju fejn l-Eks Prim Ministru jrid jibda jwieġeb akkużi kriminali li jinkludu ħasil ta’ flus, frodi, korruzzjoni u assoċjazzjoni kriminali.

Minkejja li għadha mhux uffiċjali, jidher li l-Maġistrat Rachel Montebello stabbilixxiet id-data biex Muscat u oħrajn akkużati b’reati b’rabta mal-ftehim ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet jitressqu l-Qorti. Muscat, l-Eks Ministru Konrad Mizzi u l-Eks Chief of Staff ta’ Muscat Keith Schembri, u diversi oħrajn jinsabu akkużati b’tixħim, ħasil ta’ flus u diversi reati oħra.

Kollox jindika li aktar minn 19-il persuna u kumpaniji mhux se jiffaċċaw akkużi flimkien imma se jinqasmu skont l-akkużi li se jkunu qegħdin iġorru. Fil-fatt, it-tieni livell ta’ akkużati li qed jiffaċċjaw akkużi jinkludu lil Chris Fearne, li rriżenja minn ministru il-Ġimgħa stess, u lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna.

Għadu mhux magħruf meta dak il-grupp ta’ akkużati se jidhru fil-Qorti Kriminali. Il-prosekuturi ressqu akkużi kontra dawk kollha li jallegaw li kellhom sehem fil-konfoffa kriminali aktar kmieni din il-ġimgħa. Muscat u l-koakkużati tiegħu ġew akkużati b’ċitazzjoni tal-Qorti, aktar milli arrestati.

Dan ifisser li se jidħlu l-Qorti mhux arrestati u jitħallew jirritornaw id-dar wara li x’aktarx kollha se jwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. L-akkużi kriminali joħorġu minn inkjesta maġisterjali dwar il-ftehim ta’ 30 sena u €4 biljun li issa ġie annullat li l-gvern ta’ Muscat iffirma biex jipprivatizza tliet sptarijiet tal-istat.

Dak ir-rapport ta’ inkjesta li l-Prim Ministru Robert Abela jidher li għandu kopja tiegħu anke jekk hu qal li ma qrahx, qed jinżamm fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u għadu ma sarx pubbliku. Il-Ħamis il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ordnat li Muscat jingħata aċċess għad-dokumenti kollha fir-rapport tal-inkjesta li jirreferu għalih. Muscat qed ifittex li jikkonvinċi lill-Qorti li l-maġistrat li mexxiet l-istħarriġ li kien preġudikat kontrih.