Internazzjonali

L-Ukrajna: Jirreżistu lir-Russi fuq front tal- gwerra partikulari

Il-qawwiet tal-Ukrajna rnexxielhom jitfgħu lura t-truppi u l-karrijiet armati tar-Russi waqt inkursjonijiet ġodda mill-qawwiet tal-Kremlin fir-reġjun ta’ Kharkiv. Fl-istess ħin, falla l-attentat tal-qawwiet tar-Russja biex jippenetraw il-linji tad-difiża mal-fruntiera Ukrena.

L-ispinta fil-ġlied qalb iz-zoni lejn il-grigal tal-Ukrajna  tirrifletti l-fiduċja tar-Russja li għandha tilħaq l-ambizzjonijiet territorjali tagħha fit-tielet sena ta’ gwerra mal-Ukreni. Dan meta Moska qed tipprova tiggwadanja min-nuqqas ta’ munizzjon u armamenti li għandhom jaslu lill-Ukreni mingħand l-Alleati.

Madankollu, il-Kap reġjonali ta’ Kharkiv, Oleh Syniehubov , qal li numru ta’ taqsimiet militari fl-avangwardja tal-offensiva Russa kellhom jirtiraw lura lejn arthom mill-fruntiera u mingħajr ma jieħdu ‘imqar pulzier ieħor ta’ art’.

Tkellem anki l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, li kkonferma li d-difiżi tal-Ukreni – magħmulhin mill-artillerija u l-brigati tat-truppi – setgħu jirreżistu għall-pressjoni tal-qawwiet Russi li mill-ġdid sofrew disfatta militari li ‘tkissrilhom il-moral’.

Mifhum li fl-azzjoni, ir-Russi reġgħu tilfu kwantità sinifikanti ta’ truppi, għalkemm is-sorsi indipendenti ma setgħux jikkonfermaw iċ-ċifri.

Min-naħa tagħhom, il-kmandanti Ukreni ilhom jistennew ‘l-offensiva tas-sajf’ min-naħa tar-Russi u meta t-Tmexxija f’Moska tinsab determinata li taħtaf il-kontroll f’Kharkiv.

Fl-istess ħin, l-Ukreni huma konvinti li r-Russi, minkejja l-kapaċità biex ‘jaggravaw s-sitwazzjoni’ fl-inħawi tal-fruntiera, mgħandhomx ir-riżorsi biex jieħdu tassew l-inizjattiva waqt il-battalji għal Kharkiv, li hi t-tieni l-aktar belt importanti fl-Ukrajna.