Lokali

Michael Bonello reġa’ ġie elett Kap tat-Taqsima tal-Aġenti tal-Proprjetà tal-MDA

Wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-Sezzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà fi ħdan l-Assoċjazzjoni Maltija
għall-Iżvilupp li saret ilbieraħ fil-Lukanda AX Victoria f’Tas-Sliema, Michael Bonello, CEO ta’ Alliance
Real Estate Group, reġa’ ġie elett biex imexxi t-Taqsima tal-Aġenti tal-Proprjetà (EAS) tal-MDA għal
terminu ieħor.

Bernard Mangion minn Ben Estates kien l-unika wieħed li kkontesta biex iżomm il-kariga preċedenti tiegħu ta’ Viċi President, filwaqt li Alan Grima minn Dhalia ġie elett Teżorier. Il-membri eletti l-oħra tal-Kunsill huma David Aquilina minn Belair; Stefan Consiglio minn Pierre Faure Real Estate; Stephen Mercieca minn Zanzi u Quicklets; George Vassallo minn Frank Salt; Henry Zammit minn The Elite; u Sam Zammit minn Remax.

Leon Chetcuti, Kap Eżekuttiv tal-Malta Development Association, fetaħ il-Laqgħa Ġenerali Annwali
b’diskors introduttorju li fih iddeskriva kif is-Sezzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà tal-MDA ilha tikber u
tiżviluppa sabiex tappoġġja t-tkabbir tremend tal-industrija tal-proprjetà f’Malta. “Permezz tal-EAS, l-MDA llum hija l-akbar assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-aġenti tal-proprjetà f’Malta u Għawdex u sar
progress sinifikanti biex jitjieb dan is-servizz importanti lill-industrija u lill-pubbliku ġenerali”, temm jgħid.

Michael Bonello tkellem ukoll dwar uħud mill-kisbiet ewlenin tal-kunsill preċedenti u l-għanijiet ewlenin
tiegħu għall-futur. Dawn jinkludu titjib kontinwu tal-ħiliet tal-aġenti tal-proprjetà biex iwasslu aktar valur
lill-klijenti finali, kif ukoll li tilqa’ aktar mill-aġenziji tal-proprjetà iżgħar sabiex jingħaqdu mal-EAS ħalli
isiru saħansitra aktar u aktar inklużivi.
Il-President tal-MDA Michael Stivala u l-membri tal-Kunsill tal-MDA ferħu lill-membri li ġew eletti fuq il-Kunsill tal-EAS u saħqu fuq il-ħtieġa li nkomplu naħdmu għat-titjib tal-industrija tal-proprjetà biex ngħollu
l-istandards u ntejbu s-servizz u l-prodott għall-pubbliku ġenerali.