Lokali

ESKLUSSIVA: Provi kontra Ram Tumuluri u tlieta oħra qrib Vitals

Wara akkużi ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus u tixħim li ġew preżentati kontra l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, l-Eks Ministru Konrad Mizzi, u aktar minn 19-il individwu u kumpaniji b’rabta mad-deal tal-isptarijiet, issa ġew ippreżentati akkużi kontra Sri Ram Tumuluri, Ali Asad Shaukat, Ali Shaukat u Abbas Saba Binte kif ukoll kontra 15-il kumpanija.

L-akkużi fost oħrajn jgħidu li dawn l-individwi kkorrompew lil Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri. Sri Ram Tumuluri kien wieħed minn dawk involuti fil-kuntratt korrott tal-VGH, kuntratt ta’ €2 biljun. Huma qed jiġu akkużati wkoll bi frodi, ħasil ta’ flus u korruzzjoni.

Kien fis-27 ta’ Marzu tal-2015 li l-Gvern Malti, permezz ta’ Projects Malta Ltd, taħt ir-responsabbiltà politika tal-Ministru Konrad Mizzi, ħareġ Request for Proposals għal ‘Service Concession for the Redevlopment, Maintenance, Management and Operation of the Sites at St Luke’s Hospital, Karin Grech Rehabilitation Hospital and Gozo General Hospital’.

Kien ħareġ ukoll li Tumuluri, Eks Kap Eżekuttiv ta’ Causis Group ibbażat fir-Renju Unit, għamlet diversi ħlasijiet mhux iddikjarati lil uffiċjal għoli Malti. Il-ħlasijiet huma marbuta ma’ ftehim tal-2015 meta d-ditta ta’ Sri Ram Tumuluri, Vitals Global Healthcare (VGH), rebħet tender ta’ privatizzazzjoni biex tmexxi tliet sptarijiet f’Malta, minkejja li ma kellha l-ebda esperjenza rilevanti. L-isptarijiet huma San Luqa, Karin Grech u Għawdex.

Iċ-ċittadin Pakistani Ali Shaukat kien wieħed mill-azzjonisti ta’ Vitals li ffirma memorandum sigriet ta’ ftehim mal-gvern, li aġixxa bħala prekursur għall-kuntratt tal-isptarijiet. L-akkużi jduru madwar ftehim għall-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet tal-istat li kien innegozjat u mmexxi mill-Gvern ta’ Muscat. Dak il-ftehim ġie annullat minn Qorti s-sena l-oħra.

Huwa wkoll xerrej ta’ passaport Malti li ħabbar lilu nnifsu bħala “konsulent mhux uffiċjali” ta’ dak iż-żmien il-Prim Ministru Joseph Muscat, ħaleb miljuni mit-tmexxija tal-konċessjoni tal-isptarijiet, flimkien mal-familja tiegħu, jindikaw dokumenti.

Ali Shaukat u membri tal-familja tiegħu kienu allegatament rċevew pagamenti minn kumpaniji marbuta mal-ftehim tal-isptarijiet. Siti barranin kienu rrappurtaw li Tumuluri, in-negozjant kontroversjali Indjan-Kanadiż qed jiffaċċja allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li skont dawn is-siti jinvolvu l-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

L-unika mara li kontriha tressqu akkużi hija Abbas Saba Binte, li hija Financial Controller u wkoll hija mill-Pakistan. Shaukat Ali, negozjant Pakistani, hu meqjus bħala wieħed mill-imħuħ wara l-konċessjoni frawdolenti ta’ sptarijiet fejn kien tpoġġa fuq il-payroll ta’ Vitals Global Healthcare (VGH) fuq insistenza diretta tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan skont rapport li kien ħareġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.

Fid-depożizzjoni tiegħu lill-NAO, il-koproprjetarju tal-VGH Ram Tumuluri kien qal li kien l-id il-leminija tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u Keith Schembri li, fl-2015, irrakkomanda li Shaukat Ali jitpoġġa fuq il-pay roll.

Sadanittant, il-15-il kumpanija li kontrihom tressqu diversi akkużi, huma Eurasia Limited Incerp Sarl, STE Health, Mount Everest Investments Limited, New Horizons Investment Ltd., VGH Innovations Ltd., VHG International Ltd., VGH Kosovo Ltd., VGH Malta Ltd., VGH Montenegro Ltd., VGH Europe AG, Vital Global Healthcare Ltd., Vitals Management Systems Limited, Vitals Procurement Limited, u Vital Technologies Limited.

Il-każijiet li għandhom ma ġewx appuntati se jinstemgħu quddiem il-Maġistrati Rachel Montebello u Leonard Caruana. Dan tal-aħħar se jisma’ l-każijiet ta’ Ali Asad Shaukat, Abbas Saba Binte u tliet kumpaniji se jinstemgħu mill-Maġistrat Leonard Caruana filwaqt li l-oħrajn, bħal każijiet l-oħra, se jinstemgħu quddiem il-Maġistrat Montebello.

Muscat, Mizzi u Schembri li jinsabu akkużati b’ħasil ta’ flus, tixħim, kummerċ ta’ influwenza u lista twila ta’ akkużi oħra, inkluż it-twaqqif ta’ assoċjazzjoni kriminali. Jekk jinstabu ħatja, it-tlieta jiffaċċjaw sentenzi ta’ ħabs sa 18-il sena u multi sa €2.5 miljun.

Fil-każ li ġie ppreżentat fl-Qorti kontra Tumuluri u sħabu, il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Hubert Cini u mill-Ispettur Wayne Rodney Borg megħjuna mill-Avukati Francesco Refalo, Rebekah Spiteri u Shelby Aquilina.